F’ittra mibgħuta tard illejla lill-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg reġa’ appella lil Robert Abela biex fl-ispirtu ta’ dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni u fl-interess nazzjonali, kif ukoll b’sens ta’ responsabbiltà, ikun xieraq li d-diskussjoni fir-rigward tan-nomina għall-kariga ta’ Prim Imħallef tkompli fuq bażi li tippermetti li jiġu meqjusa l-għażliet li jkunu jistgħu jgawdu minn maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu prinċipju stabbilit, u prassi segwita b’mod konsistenti tul is-snin, li l-ismijiet ta’ dawk li jiġu kkunsidrati għal karigi li jeħtieġu kunsens bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma għandhom qatt isiru suġġett ta’ diskussjoni pubblika jew ballun politiku. Dan b’rispett lejn il-kariga nnifisha, lejn il-persuni kollha li jkunu qed jiġu kkunsidrati, u biex jinżammu d-dinjità u l-piż istituzzjonali tal-proċess.
F’dan il-kuntest, ninnutaw ukoll li dan il-prinċipju qablet miegħu l-Kamra tal-Avukati, li esprimiet b’mod ċar li diskussjonijiet ta’ din in-natura m’għandhomx isiru fil-qorti pubblika, iżda għandhom jitmexxew b’mod riservat u responsabbli, fl-interess tal-istituzzjonijiet u tas-saltna tad-dritt.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota d-disponibbiltà espressa mill-Prim Ministru li jiddiskuti din il-ħatra u għalhekk reġa’ tenna l-istedina li għamel biex titkompla d-diskussjoni b’mod serju, riservat u kostruttiv, kif titlob in-natura ta’ ħatra ta’ din l-importanza.
//= $special ?>

