Ewropa Lokali

Il-Kap tal-PN f’laqgħat tal-EPP f’Zagreb

Il-Mexxejja fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, inkluż il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, fi tmiem din il-Ġimgħa qed jiltaqgħu fil-Belt Kapitali Kroata, Zagreb hekk kif ġew mistiedna mill-President tal-EPP Manfred Weber kif ukoll mill-Prim Ministru Kroat, Andrej Plenkovic.

Weber insista li f’dan il-perjodu ta’ tħassib ġeopolitiku, l-Unjoni Ewropea għandha tkun lesta sabiex taġixxi favur il-paċi, b’hekk, l-EPP għandu jkun ambizzjuż biżżejjed sabiex bħala Unjoni Ewropea magħquda nilqgħu għall kull kriżi li tista’ tfeġġ fix-xhur li ġejjin.

F’dan il-kuntest, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qiegħed jiltaqa’ mal-bqija tal-Mexxejja Ewropej fi ħdan il-familja tal-EPP, hekk kif kmieni waranofsinhar Alex Borg mar il-Kroazja, akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.

Tul il-jum tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru Kroat Andrej Plenkovic, flimkien mal-President ta’ Ċipru Gordan Jandrokovic u l-President tal-EPP Manfred Weber, indirizzaw sessjoni miftuħa għall-media, fej fost oħrajn iddiskutew l-istrateġija li l-Mexxejja Ewropej għandhom jieħdu fl-isfond tal-ambjent ġeopolitiku kurrenti.

Dan filwaqt li aktar tard kompliet id-diskussjoni b’rabta ma’ dak li qed jiġri fid-dinja, fost oħrajn is-sitwazzjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja, it-theddid minn naħa tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, is-sitwazzjoni mhux biss ġeopolitika iżda anke ekonomika u klimatika filwaqt li ġiet diskussa wkoll it-triq ‘il quddiem.

Intant, aktar tard matul il-jum issoktaw il-laqgħat bilaterali li qed jieħu sehem fihom ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fejn is-serata għalqet b’sessjoni li fiha ġiet diskussa l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea quddiem l-isfidi li qed taffaċċja d-dinja preżentament.

Is-sibt imbgħad mistennija jissoktaw aktar laqgħat li se jkunu qed ikomplu sa kmieni waranofsinhar.