L-Arċidjoċesi ta’ Malta tħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika biex jimmaniġġjaw l-adozzjoni mgħaġġla tal-intelliġenza artifiċjali (IA) b’tali mod li tipproteġi lin-nies – mhux tieħu posthom – ħalli jiżguraw li l-ħaddiema u l-komunitajiet vulnerabbli ma jaqgħux lura.
Fid-dokument bl-isem ‘Adozzjoni Etika tal-Intelliġenza Artifiċjali: il-Pożizzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta’, il-Knisja tiffoka fuq tliet oqsma ewlenija ta’ impatt – l-edukazzjoni, l-ekonomija u l-kultura – u tappella għal inċentivi ċari mmexxija mill-Istat sabiex in-negozji jħarrġu mill-ġdid u jmexxu f’xogħol ieħor impjegati affettwati mill-awtomatizzazzjoni, peress li “l-intelliġenza artifiċjali se tirrivoluzzjona prattikament l-aspetti kollha tax-xogħol u l-ekonomija”.
Dun Jean Gové, li kiteb id-dokument, qal: “Filwaqt li nfaħħru lill-Istat għall-isforzi tiegħu s’issa, nappellaw għal standards etiċi u sforzi ta’ litteriżmu aktar b’saħħithom biex is-soċjetà tiġi protetta. Fl-aħħar mill-aħħar l-etika hi dik li se tiżgura li l-IA tkun għoddali nistgħu nafdaw.”
L-Arċidjoċesi temmen ukoll fl-importanza li jinżamm l-aċċess mhux diġitali għas-servizzi essenzjali, filwaqt li tistqarr li “t-teħid tad-deċiżjonijiet irid dejjem jitħalla f’idejn il-bniedem” kull fejn jaffettwa ħajjet il-bnedmin. Issostni li l-ġustizzja, id-drittijiet tal-ħaddiema, u l-protezzjoni tal-vulnerabbli jridu jankraw it-tranżizzjoni diġitali ta’ Malta.
Waqt li l-IA qed toffri effiċjenza, sikurezza, u innovazzjoni, il-Knisja tenfasizza l-valur intrinsiku ta’ xogħol il-bniedem u “n-natura insostitwibbli tar-relazzjonijiet umani,” b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-ħidma pastorali.
Waqt it-tnedija tad-dokument, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal: “Fil-qalba tar-riflessjoni tal-Knisja hemm verità li qatt m’għandha tintesa: it-teknoloġija hija għodda; il-bniedem hu s-suġġett.” Huwa ħeġġeġ lis-soċjetà biex tistaqsi jekk l-IA hiex verament taqdi d-dinjità tal-bniedem u l-ġid komuni.
L-Arċidjoċesi tappella wkoll għal policies li jiżguraw li l-benefiċċji tal-IA – bħaż-żieda fil-produttività – jinqasmu b’mod ġust fis-soċjetà kollha u li l-IA hija “fuq kollox għodda” li trid tibqa’ taħt is-sorveljanza tal-bniedem. Id-dokument jiddikjara li l-potenzjal tal-IA biex tittejjeb il-kreattività u l-mod kif jissolvew il-problemi jiddependi kompletament mill-intenzjonijiet u r-responsabbiltà ta’ dawk li jużawha. L-użu ħażin tagħha jirriskja li “jnaqqas l-aġenzija u r-responsabbiltà tagħna” u jdgħajjef id-dimensjoni relazzjonali u etika fil-ħajja umana.
Il-Knisja titkellem ukoll dwar kif irridu noqogħdu attenti mill-użu tal-IA fl-edukazzjoni, u twissi li s-sistemi tal-IA m’għandhomx jintużaw biex “jisfruttaw lill-istudenti permezz tat-tfassil tal-profili”, u li l-fehim tal-bniedem, id-dixxerniment morali, u l-kura għandhom jibqgħu elementi essenzjali fil-formazzjoni.
L-Arċidjoċesi tirrikonoxxi wkoll il-possibbiltajiet eċitanti li nużaw l-IA biex niċċelebraw l-identità kulturali unika tagħna, li sservi bħala għodda biex nippromwovu l-ilsien u l-wirt Malti.
Flimkien ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Arċidjoċesi qed issaħħaħ il-kapaċità interna tagħha stess għall-era diġitali. Ġa bdiet tħarreġ fil-litteriżmu u l-etika tal-IA lis-saċerdoti, il-ħaddiema pastorali, l-edukaturi, il-ħaddiema soċjali, u l-professjonisti fil-kura tas-saħħa biex tassigura li t-teknoloġija ssaħħaħ – aktar milli tieħu post – ir-relazzjonijiet umani fil-qalba tal-ħidma tagħhom.
Barra minn hekk diġà pprovdiet taħriġ fil-litteriżmu u ħiliet kritiċi tal-IA lil aktar minn 1,500 edukatur madwar l-iskejjel tal-Knisja, Indipendenti u tal-Istat, l-Arċidjoċesi qed tipprovdi wkoll konsultazzjoni u taħriġ espert għal setturi professjonali vitali, u diġà qed tikkollabora direttament mal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) biex isiru sessjonijiet tal-litteriżmu għall-ġenituri u gruppi vulnerabbli.
L-Arċidjoċesi tagħraf il-benefiċċji sinifikanti li l-avvanzi teknoloġiċi ġabu għall-umanità, għalhekk hi kollaboratur fl-adozzjoni etika tal-IA biex jissaħħaħ il-benesseri tas-soċjetà. L-Arċidjoċesi tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-IA tibqa’ għas-servizz tan-nies – tappoġġja l-ħaddiema, tħares il-vulnerabbli, tarrikkixxi l-kreattività umana, u ssaħħaħ xi jfisser li tkun verament uman – waqt li toffri li tikkollabora mal-gvern, l-edukaturi, in-negozji, u s-soċjetà ċivili lejn triq ’il quddiem.
Wieħed jista’ jara d-dokument sħiħ fuq knisja.mt/AOM-AI-policy.
//= $special ?>

