Lokali

Il-PN jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti li tagħti serħan il-moħħ lil 31 kamra tan-nar f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ngħatat illum mill-Qorti Ċivili li tat id-dritt lill-Kamra tan-Nar Santa Marija tal-Mosta biex tkun tista’ tkompli taħdem in-nar tagħha kif mitlub skont il-liġijiet ta’ Malta.

Din is-sentenza mogħtija mill-Imħallef Audrey Demicoli mhux biss hija rebħa għall-Kamra tan-Nar ta’ Santa Marija fil-Mosta imma hija rebħa għat-30 kamra tan-nar oħra madwar Malta u Għawdex.

Is-sentenza tagħti serħan il-moħħ lil 31 kamra tan-nar f’pajjiżna, illi kieku ma ġietx deċiża din is-sentenza, kollha kienu sejrin jiġu affettwati. Din tapplika għall-kmamar tan-nar eżistenti qabel l-1994.

Dan huwa pass importanti wkoll ’il quddiem biex inkomplu npoġġu l-festi Maltin fuq quddiem nett fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kultura Maltija.

Id-delizzju tax-xogħol tan-nar huwa intrinsikament parti mill-festa tradizzjonali tagħna. Il-festi ta’ Malta u Għawdex huma saħansitra rrikonoxxuti bħala wirt tanġibbli mill-UNESCO.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-qasam tal-volontarjat u japrezza ħafna x-xogħol volontarju ta’ dawk li jaħdmu n-nar f’pajjiżna.

L-istqarrija inħarġet mid-deputati tal-PN Charles Azzopardi u David Agius.