Il-Qorti Kriminali laqgħet it-talba ta’ Melvin Debono, magħruf bħala l-Quws, sabiex il-każ kontra tiegħu dwar traffikar ta’ droga ma jibqax jinstema’ b’ġuri quddiem il-Qorti Kriminali iżda jitmexxa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali.
Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ordnat li l-akkużat Melvin Debono jerġa’ jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali. Mid-deċiżjoni tal-Qorti jirriżulta li, wara li ġew ikkunsidrati s-sottomissjonijiet kollha u l-passi proċedurali li ttieħdu fil-kawża, il-Qorti Kriminali waslet għall-konklużjoni li l-proċeduri għandhom ikomplu quddiem l-ewwel istanza.
Il-każ imur lura għas-17 ta’ Novembru 2021, meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li kien se jsir negozju ta’ droga bejn Debono u raġel ieħor fiz-zona ta’ Ħal Qormi. Skont il-prosekuzzjoni, Debono waqaf quddiem showroom tal-karozzi f’Ħal Qormi u aktar tard saq lejn showroom ieħor, fejn deher fil-kumpanija ta’ żewġ persuni oħra.
Il-Pulizija intervjeniet b’rejd u, waqt tfittxija fil-vettura, instab cushion li kien fih madwar 300 gramma sustanza suspettata li kienet kokaina, b’purità stmata ta’ 40 fil-mija u b’valur fis-suq li jvarja bejn €5,400 u €24,000. Fil-karozza nstab ukoll pouch li kien fih madwar €5,800 fi flus kontanti.
Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, Debono ċaħad li d-droga kienet fil-vettura tiegħu meta telaq minn Raħal Ġdid u sostna li l-imħadda tahielu raġel ieħor, mingħajr ma kien jaf x’kien hemm fiha. Debono tressaq il-Qorti mixli li dakinhar kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina u li ttraffikaha. Il-proċeduri kienu inizjalment assenjati biex jinstemgħu b’ġuri quddiem il-Qorti Kriminali.
Madankollu, permezz tal-avukati tiegħu Franco Debono u Marion Camilleri, huwa talab li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-kawża tiġi trattata quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Għaldaqstant, ġiet milqugħa t-talba biex Debono jitpoġġa lura taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati sabiex hemmhekk jitkompla l-proċess kriminali kontrih skont il-liġi.
L-Imħallef Natasha Galea Sciberras laqgħet din it-talba, u b’hekk il-każ se jkompli quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Dan ifisser ukoll li, f’każ ta’ ħtija, il-piena massima li tista’ tiġi imposta tkun dik applikabbli f’din il-qorti, jiġifieri sa għaxar snin ħabs, minflok piena sa għomor il-ħabs li setgħet tiġi imposta kieku l-każ baqa’ quddiem il-Qorti Kriminali.
Id-deċiżjoni tfisser li l-Qorti Kriminali ma daħlitx fil-mertu tal-akkużi nfushom, iżda ddeċidiet fuq kwistjoni ta’ proċedura u kompetenza, u għalhekk il-kawża se terġa’ tinstema’ quddiem il-Maġistrat kompetenti.
Il-każ kontra Melvin Debono mistenni jkompli fil-jiem li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
//= $special ?>

