Lokali

In-negozji jisħqu li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja huma ta’ tħassib serju

Stħarriġ juri li l-Gvern għandu jindirizza n-nuqqas ta’ governanza tajba, iż-żieda fil-popolazzjoni u l-livell ta’ koruzzjoni fil-pajjiż b’mod urġenti

Stħarriġ imwettaq mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji wera li l-maġġorparti tan-negozji ħassew li Malta sejra fid-direzzjoni l-ħażina.

Matul l-2025 dawk in-negozji li raw tnaqqis fil-bejgħ tagħhom spjegaw li dan wasal kawża ta’ żieda qawwija fil-kompetizzjoni, il-klijenti xtraw inqas filwaqt li ġiet innotata żieda fl-ispejjeż. Dan filwaqt li dawk li nnotaw il-bejgħ tagħhom baqa’ l-istess meta kkumparat mas-sena preċedenti saħqu li dan il-fattur kien minħabba l-fatt li kien hemm żieda fl-ispejjeż operattivi, u li l-klijenti bdew joqogħdu aktar attenti f’dak li għandu x’jaqsam prezzijiet.

L-istħarriġ sar f’kollaborazzjoni bejn il-Kamra tal-Intrapriżi żgħar u medji u l-MISCO – fejn ġie spjegat li 39% tan-negozji raw il-profitti baqgħu fl-istess livelli filwaqt li 35% saħqu li kellhom ferm inqas profitti. 26% biss tan-negozji qalu li rreġistraw aktar profitt meta kkumparat mas-sena 2024.

Intqal kif il-kawża maġġuri taż-żieda fil-prezzijiet waslu minħabba l-ispejjeż tal-pagi u dak kollu li jinvolvi riżorsi umani, iż-żieda fl-ispejjeż tal-materjal importat u l-ispejjeż ta’ trasport fost oħrajn. Fi żmien il-festi ġie nnotat li l-maġġoranza raw il-bejgħ tagħhom jonqos, hekk kif 44% spjegaw li naqsilhom il-bejgħ meta kkumparat mal-2024.

L-akbar uġigħ ta’ ras jibqa’ n-nuqqas ta’ ħaddiema segwit minn kompetizzjoni deskritta bħala inġusta – oħrajn iqisu bħala l-konġestjoni ta’ traffiku hija fattur importanti flimkien maż-żieda fl-inflazzjoni.

Il-maġġoranza tal-parteċipanti jemmnu li sejrin fid-drezzjoni l-ħażina minħabba l-għoli tal-ħajja u l-affordabbiltà, tħassib serju dwar il-kwalità tal-ħajja filwaqt li huwa ta’ inkwiet ukoll d-direzzjoni u tmexxija politika li qabad dan il-pajjiż.

Il-maġġoranza saħqu li qed jistennew li l-Gvern jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ governanza tajba, il-livell ta’ korruzzjoni u ż-żieda fil-popolazzjoni, b’mod mill-aktar urġenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kamra tal-SMEs irrakkomandat fost l-oħrajn li l-Gvern jindirizza b’mod urġenti l-kompetizzjoni inġusta li hawn sabiex kulħadd ikun jista’ jaħdem f’level playingfield. Dan filwaqt li appellat għal aktar trasparenza u miżuri robusti kontra l-korruzzjoni bil-għan li l-poplu jerġa’ jkollu fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi.

Sar appell ukoll sabiex tiġi implimentata sistema li tassigura ppjanar aktar effettiv.

Net News tkellem mal-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela fejn insista dwar il-possibbiltà li l-pensjonanti jiġu introdotti fid-dinja tax-xogħol b’aktra mod faċli.

Filwaqt li insista li n-negozju huwa wieħed tajjeb, stqarr li hemm diversi affarijiet x’jitranġaw.

Intant, tkellimna wkoll ma’ Lawrence Zammit, Direttur tal-MISCO. Hu stqarr li filwaqt li l-ekonomija tidher pożittiva, hemm diversi fatturi li għandhom bżonn jiġu indirizzati fosthom il-kompetizzjoni ġusta.