Jumejn wara li Net News irraporta b’esklussiva l-interess ta’ Hull City fil-goalkeeper internazzjonali Malti, James Sissons, fl-aħħar sigħat inqalgħu intoppi li jafu jwasslu biex dan it-trasferiment jisfaxxa.
Matul il-ġurnata tal-bieraħ u llum, Net News komplejna nsegwu din l-istorja, u l-aħħar żviluppi anke għaliex kemm il-darba dan it-trasferiment kellu jseħħ, dan ikun wieħed mill-akbar trasferimenti ta’ talent żagħżugħ Malti għal ma’ klabb barrani.
Il-problemi li sal-lum qed twaqqaf it-trasferiment ta’ Sissons milli jkun konkluż minn ma’ Chesterfield, klabb tal-League 2 fl-Ingilterra għal ma’ Hull City, klabb li qed jiġġieled biex jikseb promozzjoni minn The Championship għall-Premier League Ingliż, huma tnejn.
L-ewwel waħda hi marbuta ma’ projbizzjoni fuq it-trasferimenti. Din id-deċiżjoni kienet meħuda wara li Hull City kienu akkumolaw 30 jum ta’ ħlasijiet tard matul il-perjodu ta’ 12-il xahar bejn l-1 ta’ Lulju 2024 u t-30 ta’ Ġunju 2025, relatati ma’ flus dovuti lil Aston Villa għall-self ta’ Louie Barry u ħlasijiet lil diversi entitajiet li jingħad li kelhom flus x’jieħdu mil-klabb.
Wara appell mill-klabb, is-sanzjoni ġiet imnaqqsa għal żewġ perjodi ta’ trasferimenti b’tielet perjodu sospiż, u b’hekk affettwat it-tieqa tat-trasferimenti tas-sajf li għadda u s-suq tat-trasferimenti ta’ matul dan ix-xahar.
Iżda hekk kif il-klabb qed iħabbat wiċċu ma’ dawn il-problemi, ir-riżultati fil-pitch qed ipoġġu lil Hull City bħala wieħed mit-tim favoriti li jista’ jikseb promozzjoni għall-Premier League Ingliż. Meta wieħed iqis id-diffikultajiet tat-tim l-istaġun li għadda, meta t-Tigers assiguraw is-salvazzjoni tagħhom biss fl-aħħar jum, kif ukoll il-problemi finanzjarji li ġew irrappurtati b’mod estensiv dan is-sajf, ir-riżultati miksuba s’issa f’The Championship, huma meqjusa minn bosta bħala sorpriża għal diversi osservaturi u kritiċi tal-futbol Ingliż.
Madankollu, Hull City għandhom alternattiva oħra kif xorta jistgħu jiksbu plejers ġodda waqt li xorta għandhom din il- projbizzjoni fuq it-trasferimenti, bħal mannara fuq rashom. Kull plejer ġdid irid jingħaqad permezz ta’ self mingħajr ħlas jew trasferiment b’xejn, kif kien il-każ fis-sajf.
It-tieni problema hija x’aktarx l-agħar waħda, tal-anqas fil-kuntest li qed nitkelmu dwaru. L-internazzjonali Malti, Sissons hu eks plejer ta’ Hibernians u Melita, hu dawn iż-żewġ klabbs, qed jitolbu ħlas minn Hull City li jagħmel tajjeb għal dak li jgħidulu “training compensation fee.”
Sorsi qrib li jinsabu qrib il-partijiet kollha f’dan il-każ, li issa qed jikkomplika ruħu, u li tkelmu magħna, qalulna li minħabba t-talba li qed jagħmlu dawn iż-żewġ klabbs Maltin, it-trasferiment jaf jisfaxxa, anke jekk jingħad li Hull City offrew persentaġġ ta’ 10% liż-żewġ klabbs, mill-ammont li jkunu daħlu t-Tigers, meta u kemm il-darba dawn fil-futur ibiegħu lill-gowlkieper Malti lil klabb ieħor.
Irrelevanti mill-argument jekk Hibernians u Melita, għandhomx jagħmlu eċċezzjoni u jirrinuzjaw għal dan il-kumpenss (għaliex dan jaf ikun l-argument ta’ xi uħud biex plejer Malti ma jitlifx opportunitá bħal din), iż-żewġ Presidenti taż-żewġ klabbs rispettivi, ikkonfermaw ma’ Net News li huma qed jagħmlu din it-talba għaliex għandhom dritt għal dan il-kumpenss finanzjarju wara li għamlu kuntatt mal-FIFA.
Il-President ta’ Hibernians, Ranier Bezzina qal lil Net News, li “aħna ma rridu xejn aktar ħlief dak li hu dovut lilna u skont ir-regolamenti.”
Matthew Naudi, President ta’ Melita, saħaq li “Hull City huma liberi jiffirmaw lil Sissons fi kwalunkwe ħin jekk jixtiequ jagħmlu dan. Madankollu, tali ffirmar jibqa’ soġġett għar-regolamenti tal-FIFA, inkluż il-ħlas obbligatorju ta’ kumpens tat-taħriġ lill-klabbs involuti, f’dan il-każ Hibernians u Melita.”
Naudi żied jgħid li “sa mill-bidu, għamilna ċar lil Hull City li aħna lesti niddiskutu u ninnegozjaw il-kumpens tat-taħriġ, filwaqt li nqisu wkoll il-fatt li James huwa gowlkiper internazzjonali tal-livell li issa qed ikun imsejjaħ mat-tim nazzjonali ‘A’. Hull City indikaw li bħalissa mhumiex f’pożizzjoni li jagħmlu xi ħlas minħabba projbizzjoni eżistenti fuq trasferimenti. Madankollu, irċevejna konferma bil-posta elettronika mingħand il-FIFA (li għaddiejna lil Hull City) li l-kumpens tat-taħriġ ma jitqiesx bħala tariffa ta’ trasferiment, u għalhekk ma jiġix affettwat mill-projbizzjoni. Aħna nibqgħu miftuħin għal negozjati adegwati u konkreti skont ir-regolamenti tal-FIFA.”
Fl-isfond ta’ dawn il-kummenti minn Bezzina u Naudi, sorsi li kienu qrib il-partijiet kollha, inkluż il-klabb ta’ Hull City, u li segwew kull dettall u aġġornament li seħħ fin-negozjar ta’ dan it-trasferiment, qalulna li “il-FIFA qed tgħid li anke jekk hemm projbizzjoni fuq trasferimenti għal Hull City, huma xorta jridu jħallsu l-kumpens tat-taħriġ. Il-kumpens tat-taħriġ ma jaqax taħt tariffa ta’ trasferiment.”
L-istess sorsi qaluna li “Hull City staqsew lill-EFL għal spjega (wara li rċevew l-email tal-FIFA mingħand Melita) u l-EFL ikkonfermat mill-ġdid li huwa permess biss perċentwal fuq bejgħ futur u mhux trasferiment ta’ flus.”
Hu mifhum li Hull City bagħtu din il-kompunikazzjoni li bagħtet l-EFL, liż-klabbs, ftit tal-ħin ilu. F’kliem aktar sempliċi l-kumplikazzjoni kollha li qed iwassal biex dan it-trasferiment s’issa jinsab f’dubju hu li l-FIFA qed tgħid ħaġa u l-EFL l-oppost.
L-istess sorsi li tkelmu magħna qaluna li “l-EFL għamlet stedina lill-klabbs Maltin biex jibagħtulhom jew jistaqsuhom dak kollu li għandhom bżonn sabiex tiġi kjarifikata s-sitwazzjoni.”
//= $special ?>

