Lokali Qorti

Konfermata piena ta’ sebat ijiem detenzjoni f’każ ta’ theddid u ksur tal-paċi pubblika fil-Birgu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ċaħdet appell ippreżentat minn Norman Cilia La Corte kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet ikkundannatu għal sebat ijiem detenzjoni wara li nstab ħati li insulenta u hedded lil persuna u kiser il-paċi pubblika waqt argument relatat mal-bini ta’ ċint fil-Birgu.

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Novembru 2024, ftit xhur biss wara li Cilia La Corte kien diġà kkundannat u soġġett għal ordni li ma javviċinax u ma jikkuntattjax lill-istess persuna. Fl-appell tiegħu, l-imputat sostna li l-piena kienet eċċessiva, iżda l-Qorti tal-Appell qalet li l-Qorti tal-Maġistrati applikat il-prinċipji korretti tas-sentenzjar u li l-piena kienet taqa’ fil-parametri tal-liġi, la kienet żbaljata fil-prinċipju u lanqas manifestament sproporzjonata.

Il-Qorti saħqet li, f’appelli limitati għall-piena, hija ma tinterferixxix mas-sentenza tal-ewwel istanza sempliċement għax tkun severa, iżda biss jekk tirriżulta li tkun barra mill-firxa xierqa għall-offiża u għaċ-ċirkostanzi tal-ħati.

Fid-dawl tal-provi, tal-imġiba aggressiva kkonfermata mix-xhieda u tal-fatt li l-akkadut seħħ minkejja ordni preċedenti tal-Qorti, l-appell ġie miċħud u s-sentenza ta’ sebat ijiem detenzjoni ġiet ikkonfermata.