Lokali Qorti

Minn ħabs effettiv għal sentenza sospiża wara li ħebb u rreżista uffiċjali tal-Pulizija

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet l-appell imressaq minn Neculai Dogaru, Rumen ta’ 45 sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ piena minkejja li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li sabitu ħati ta’ reżistenza fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Pulizija, l-piena ta’ sitt xhur ħabs ġiet sospiża għall-perjodu ta’ sentejn.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha ħadet in konsiderazzjoni tan-natura tar-reati fil-konfront tal-imputat li gew sodifacentement pruvati u n-natura serja taghhom, fosthom il-fatt li kienet biss il-prontezza tas-Surġent M. Parnis li evita li jsofri daqqa ta’ ras u b’hekk evita li jsoffri xi ġrieħi.

Huwa nstab ħati li għamel rezistenza bi vjolenza jew ħebb għal Surġent u żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija,
persuni inkarigati skond il-liġi minn servizz pubbliku, filwaqt li kienu qed jaġixxu għall-eżekuzzjoni tal-liġi jew ta’ ordni mgħotija skond il-liġi mill-awtorià kompetenti.

Il-Qorti qalet li huwa minnu li l-piena inflitta mill-ewwel Qorti taqa’ fil-parametri tal-Liġi, pero tħoss stante l-fedina penali netta tal-appellant u li in effetti ma kien hemm l-ebda vittma li sofra xi dannu materjali fuq il-proprjetà tiegħu jew persuntu, il-fatt li gie misjub mhux ħati li saq jew pprova jsuq jew kellu kontroll tal-imsemmija vettura fit-triq jew f’post pubbliku meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minhabba xorb jew
drogi.

Lanqas ma nstab ħati li naqas jew irrifjuta li jaghti kampjun tan-nifs meta kien mitlub li jagħmel hekk skond il- liġi, hemm raġuni ‘l għaliex għandha tiddipartixxi mill-ġudizzju ta’ l-Ewwel Qorti, billi tordna illi l-piena inflitta ta’ sitt xhur priġunerija jigu sospizi ghal perjodu ta’ sente

Għaldaqstant l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera neħħiet il-priġunerija effettiva mposta fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-każ kien jirrigwarda inċident li seħħ fis-16 ta’ April 2023 fi Triq Fisher, l-Imġarr, fejn skont il-prosekuzzjoni Dogaru kien qed isuq vettura b’mod irregolari.

Skont ix-xhieda tal-uffiċjali tal-LESA u tal-pulizija, l-imputat kien qed jirrejżja l-magna, joħroġ rasu mit-tieqa, ikanta b’leħen għoli u joħloq periklu għan-nies fit-triq, tant li wieħed mill-uffiċjali kellu jwarrab biex jevita li jintlaqat.

Il-Qorti tal-Appell aċċettat minn naħa tagħha li ċertu provi prodotti mill-Prosekuzzjoni kienu formalment difettużi, fosthom affidavit li ma kienx jindika l-lok fejn ittieħed u bodycam footage li ma ġiex ikkonfermat mill-awturi tiegħu, u għalhekk dawn ġew skartati.

Il-Qorti kkonfermat ukoll il-ħtija dwar il-ksur tal-kwiet pubbliku, peress li l-imputat kien qed jagħmel storbju, jgħolli leħnu u jfixkel l-ordni f’post pubbliku. Fir-rigward tar-reżistenza kontra l-pulizija, il-Qorti aċċettat il-verżjoni li l-imputat ipprova jagħti daqqa ta’ ras lil uffiċjal u kellu jiġi mmanettjat.

Madankollu l-Qorti tal-Appell qalet li l-akkużat kellu kondotta nadifa u li n-nuqqas ta’ provi skaċċanti minn naħa tal-prosekuzzjoni għandhom iwasslu biex Dogaru ma jingħatax piena karċerarja effettiva. Għall-akkużat deheru l-Avukati Silvio Brincat u Charles Merceica.