L-aħbar li matul il-perjodu tal-festi kważi 75% tan-negozji żgħar u medji f’Malta u Għawdex jew marru agħar milli marru fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, inkella ma rreġistraw l-ebda titjib, għandha tinkwieta lill-Gvern.
Iktar minn hekk, il-Gvern għandu jinkwieta wkoll li sal-aħħar tas-sena 2025, 62% tan-negozji baqgħu jgħidu li jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina kif kienu qed jgħidu b’mod konsistenti tul is-sena kollha. Bi kwistjonijiet bħall-kompetizzjoni inġusta, in-nuqqas ta’ strateġija fit-tul u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja jkunu l-aktar fatturi li kkontribwew biex in-negozji jwieġbu kif wieġbu fl-istħarriġ.
Konferma ta’ dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – li pajjiżna jinħtieġ mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq il-kwalità li jattira l-investiment. Malta u l-ekonomija tagħha għandhom bżonn bidla fid-direzzjoni li jista’ jagħtiha biss il-Partit Nazzjonalista. Min ħoloq il-problema ma jistax ikun is-soluzzjoni.
Sostna dan fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi, Robert Cutajar, fejn tenna kif dawn iċ-ċifri inkwetanti joħorġu mill-istħarriġ li ppubblikat illum il-Kamra tal-SMEs b’kollaborazzjoni mal-MISCO dwar l-andament tan-negozji żgħar u medji matul l-2025 bħala sena sħiħa. Il-Business Performance Survey 2025 tal-Malta Chamber of SMEs analizza l-andament tan-negozju tul il-festi tal-Milied u sab li 26% biss kellhom bejgħ aħjar meta mqabbel mal-perjodu tal-festi tas-sena ta’ qabel, b’44% iwieġbu li t-turnover naqsilhom u 30% jgħidu li baqgħu l-istess.
Dwar id-direzzjoni li miexi fiha l-pajjiż, ir-raġunijiet li taw is-sidien tal-SMEs meta ġew mistoqsija għalfejn iħossu li l-pajjiż għandu bżonn bidla fid-direzzjoni kienu jinkludu – fl-ewwel tliet postijiet – l-għoli tal-ħajja u l-affordabilità, il-preokkupazzjoni dwar il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, u n-nuqqas ta’ leadership u direzzjoni politika. Isegwu raġunijiet oħra bħan-nuqqas ta’ ppjanar u l-problemi fl-infrastruttura, ir-regolamentazzjoni fi ħdan il-gvern, is-sitwazzjoni tar-responsabbiltà ambjentali, il-preokkupazzjoni soċjali u marbuta ma’ governanza u l-pressjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.
In-negozji ġew mistoqsija wkoll jekk hux beħsiebhom jinvestu tul it-tnax-il xahar li ġejjin u jaħsbux li dan se jkun żmien tajjeb biex jinvestu. Anke hawn il-maġġoranza l-kbira tas-sidien, madwar 80%, wieġbu li mhux se jinvestu jew mhumiex ċerti. Kienu biss ftit aktar minn 20% li fl-aħħar tliet xhur tas-sena ddikjaraw li lesti jinvestu aktar matul l-2026.
Mistoqsija jgħidu x’inhuma l-aspettattivi tagħhom għas-sena li għadha kif bdiet, ftit aktar minn 28% biss qalu li qed jantiċipaw li l-2026 se tkun aħjar minn ta’ qabilha, bi 52% jgħidu li qed jistennew li se tkun l-istess, u 20% jgħidu li l-2026 se tkun agħar.
L-SME Barometer jikkonferma dak li ilu jsostni l-PN – il-ħtieġa li Malta tieħu direzzjoni ekonomika differenti li taspira fiduċja u ottimiżmu fis-sidien tan-negozji u fl-investituri Maltin u barranin.
Fl-istħarriġ, l-istess SMEs kienu mistoqsija x’inhuma l-iktar kwistjonijiet urġenti li l-pajjiż qed jiffaċċja u li jixtiequ li jkunu indirizzati mill-Gvern. Hawnhekk semmew in-nuqqas ta’ governanza tajba (33%), iż-żieda fil-popolazzjoni (30%), il-livell ta’ korruzzjoni (24%), iż-żieda fl-għoli tal-ħajja (24%), u l-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja (21%).
F’dak li għandu x’jaqsam mal-aktar kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw personalment bħala sidien ta’ negozji, dawk intervistati elenkaw in-nuqqas ta’ ħaddiema (41%), il-kompetizzjoni inġusta (29%), il-kompetizzjoni eċċessiva (24%) u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ VISAs għal ħaddiema minn pajjiżi terzi (17%) bħala l-akbar ostakli. Problemi oħra li jissemmew jinkludu l-konġestjonijiet tat-traffiku u l-ħajja dejjem togħla fost oħrajn.
L-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti biex il-Gvern jindirizza dawn l-isfidi u ressqet numru ta’ proposti biex il-poplu Malti ma jibqax iħabbat wiċċu ma’ problemi u sfidi li ġab dan il-Gvern stess minħabba nuqqas ta’ viżjoni u stil ta’ politika maħsuba biss biex dawk ta’ ġewwa jimlew bwiethom.
Il-poplu Malti jrid il-bidla u dan l-aħħar stħarriġ tal-Malta Chamber of SMEs jikkonferma dan.
Huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti tama ġdida u serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin, u lis-sidien tan-negozji f’pajjiżna.
//= $special ?>

