Knisja Lokali

L-Arċisqof se jmexxi l-pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar

L-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi l-pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in-Nies fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar, li jintemm b’quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar fis-6pm.

Il-pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in-Nies fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar, se jsir fit-22 ta’ Frar u jibda fil-5.pm.

F’Jum il-Ħajja Kkonsagrata t-Tnejn 2 ta’ Frar, fis-6pm, fis-Santwarju ta’ Santa Tereża f’Birkirkara, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa għar-reliġjużi kollha.

L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra wkoll quddiesa fis-6 ta’ Frar fl-okkażjoni mill-ftuħ mill-ġdid tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta wara li tlestiet l-ewwel fażi tar-restawr, u l-Ħadd 8 ta’ Frar, fid-9:30am, l-Arċisqof jieħu sehem fil-quddiesa tal-ordinazzjoni ta’ saċerdot ġdid tar-Rit Grieg Kattoliku fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Mira (Tal-Erwieħ) fil-Belt Valletta.

It-Tnejn 9 ta’ Frar, fil-5:15pm, lejlet il-festa ta’ San Pawl, l-Arċisqof jattendi għat-Traslazzjoni u l-Ewwel Għasar tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

F’jum San Pawl l-Arċisqof jiċċelebra fid-9.30am quddiesa pontifikali, fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta.

L-għada, l-Erbgħa 11 ta’ Frar, fis-6:30pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa li fiha jippreżenta lill-Amministratur Parrokkjali l-ġdid Patri Effie Mallia OFM Cap, fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.

Il-Ġimgħa 13 ta’ Frar, fis-7pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-gradwazzjoni ta’ ħames klieb tal-assistenza mħarrġa mis-Service Dogs Malta Foundation, fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard, u s-Sibt 14 ta’ Frar, fis-6pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa bis-sehem tal-Harrow School Choir fil-Katidral ta’ San Pawl fil-Katidral tal-Imdina.

Fl-Erbgħa tal-Irmied l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa bit-tberik u t-tqegħid tal-irmied fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina. Fis-6pm jiċċelebra quddiesa bit-tberik u t-tqegħid tal-irmied fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fejn se jkun hemm esposta r-relikwa ta’ San Franġisk t’Assisi f’għeluq it-800 sena minn
mewtu.

Is-Sibt 21 ta’ Frar, fis-6pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa bl-Ingliż għall-Kattoliċi kollha li jgħixu f’pajjiżna fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina.

F’għeluq is-60 anniversarju mir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede, il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, fl-1 ta’ Frar, se jiċċelebra quddiesa bl-Ingliż flimkien mal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.