“Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd – tkabbir li jinħass fil-but u fil-ħajja ta’ kulħadd.”
Fuq hekk kienet propju iċċentrata il-mozzjoni li ppreżenta Kevin Cauchi, ir-Rapporteaur tal-Assemblea Reġjonali li saret f’Għawdex – liema rapport tressaq fil-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li għadda.
Matul l-assemblea kienu ġew diskussi ir-realtajiet li jaffaċċjaw il-Maltin u l-Għawdxin, fosthom sfidi relatati mal-ekonomija.
Ġie enfasizzat li l-ekonomija għandha tkun mezz biex tissaħħaħ il-ħajja tan-nies u mhux għan fiha nnifisha. Ħareġ b’mod ċar li d-dħul medju tal-ħaddiema Għawdxin jibqa’ aktar baxx minn dak f’Malta, filwaqt li l-għoli tal-ħajja kompla jogħla, b’konsegwenzi diretti fuq is-serħan tal-moħħ, il-benesseri u l-abbiltà tan-nies li jippjanaw il-futur tagħhom b’kunfidenza.
L-assemblea saħqet li kwalità ta’ ħajja aħjar għandha tkun riżultat naturali ta’ ekonomija b’saħħitha: mhux biss servizzi tas-saħħa li jaħdmu, iżda wkoll ħajja ta’ kuljum li toffri ambjent nadif, spazji miftuħa, mobbiltà li taħdem u sens ta’ sigurtà.
Diversi interventi rriflettew fuq id-diskrepanza bejn dak li jinstema’ dwar “ekonomija b’saħħitha” u r-realtà tas-salarji, li jibqgħu baxxi meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra.
L-assemblea indirizzat ukoll il-problemi marbuta mal-konnettività u t-trasport.
Tħassib serju ġie espress dwar l-impatt tal-iżvilupp eċċessiv fuq l-ambjent u fuq il-karattru ta’ Għawdex, b’konsegwenzi wkoll fuq is-saħħa mentali u l-benesseri tan-nies.
Fid-diskors tiegħu, Cauchi qal li Għawdex għandu jibqa’ Għawdex kif nafuh, bikwalità ta’ ħajja li tkun parti essenzjali mill-viżjoni ekonomika tal-pajjiż, u b’politika li tassew tpoġġi l-bniedem, il-familja u l-komunità fiċ-ċentru.
//= $special ?>

