Lokali

L-NAO tibda l-investigazzjoni tagħha dwar Malita Investments

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali beda jinvestiga l-allegat irregolaritajiet tal-kumpanija Malita Investments b’rabta mal-housing soċjali – skandlu li kien ġie espost mill-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi u li tefa’ pressjoni kbira fuq Roderick Galdes, li dak iż-żmien kien il-Ministru responsabbli.

Dan kien konfermat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing, Andy Ellul, fuq ix-Xandir tal-Istat hekk kif wara r-riżenja tal-issa Eks Ministru Roderick Galdes, Robert Abela għoġbu jagħti r-responsabbiltà ta’ dan id-dekasteru lil Andy Ellul – li fi kliem sempliċi, ifisser li kollox ġie taħt Kastilja.

Wieħed irid ifakkar illi kien il-PN li talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet ta’ ndħil politiku fil-Malita Investments; talba li saret f’Novembru li għadda.

L-NAO qiegħed jinvestiga r-rapporti tan-nefqiet eżorbitanti ta’ Malita Investments, id-dewmien eżaġert fil-proġetti tal-housing, l-allegazzjonijiet dwar nuqqas ta’ ħlas lill-kuntratturi u l-interferenzi politiċi li ġew allegati – li kien hemm magħmula minn fost oħrajn mill-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi.

Filwaqt li Andy Ellul sostna li hu se jkun qed jikkopera mal-NAO, wieħed awtomatikament jistaqsi għal liema raġuni Roderick Galdes, minflok ikkopera hu… spiċċa rriżenja.

Galdes spiċċa warrab mill-Kabinett wara diversi allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu – ġejjin anke mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista; fosthom li kien jitħabbeb mal-kuntratturi, li kien jaġevola lil qrabatu, u li ma kienx jagħti każ l-appelli ta’ wħud, fost oħrajn tas-Sindku Laburista tal-Birgu… bil-konsegwenza li qiegħed ħajjet iċ-ċittadini fil-periklu.