Lokali Qorti

Libjan jammmetti li hedded lil “Quws” b’messaġġi u telefonati

Libjan ta’ 32 sena, Abdulaziz Zamzam, tressaq il-Qorti u ammetta li bagħat messaġġi ta’ theddid u għamel telefonati intimidatorji lill-kriminal magħruf Melvin Debono, magħruf bħala “il-Quws”. Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, l-Ispettur Gabriel Kitcher spjega li t-theddid sar fil-25 u s-27 ta’ Jannar, fi żmien meta Debono kien għadu kif ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Debono kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fit-22 ta’ Jannar b’rabta ma’ allegat każ ta’ ‘karozza f’ġirja ‘car chase’ perikoluża fi Frar tal-2025, iżda l-ħelsien tiegħu ġie rtirat ftit jiem wara, meta l-Qorti ordnat l-arrest mill-ġdid tiegħu.

L-Ispettur Kitcher qal li l-Pulizija kkonfermat mas-servizz tal-mobile li t-telefonati saru mill-mowbajl tal-imputat. Huwa ppreżenta wkoll screenshots tal-messaġġi mibgħuta minn Zamzam lil Debono, u qal li dawn setgħu jinftiehmu b’mod ċar bħala theddid. “Anke jien inqishom bħala theddid,” qal l-Ispettur lill-Qorti.

Wara li Zamzam ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, il-Prosekuzzjoni talbet li jinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur Debono, talba li ġiet milqugħa mill-Qorti. Is-sentenza għandha tingħata f’seduta futura. Zamzam mhuwiex xi novizz għall-ġustizzja. Fl-2024 huwa kien ikkundannat għal 10 snin ħabs wara li nstab ħati li stupra tfajla ta’ 19-il sena. Huwa kien mixli wkoll, flimkien ma’ żewġ persuni oħra, b’rabta ma’ serqa allegata fis-Swieqi.

Min-naħa tiegħu, Melvin Debono huwa wkoll figura magħrufa mill-qrati. F’Diċembru li għadda, huwa nstab ħati li spara arma tan-nar mingħajr liċenzja f’żona residenzjali u ngħata sentenza ta’ tliet snin ħabs sospiżi pendenti appell. Fl-istess xahar, huwa tressaq il-Qorti u ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament hedded li jaħraq l-appartament tal-eks sieħba tiegħu jekk ma tirritornaxlu l-affarijiet tiegħu.

Debono kien mixli wkoll li kiser sitt settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, akkużi li huwa ċaħad. Madankollu, l-Avukat Ġenerali appellat b’suċċess u l-ħelsien tiegħu ġie rtirat. L-akkużat Zamzam kien assistit mill-avukat Nicholas Mifsud, filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru bħala parte civile.