Malta ħadet pass importanti lejn it-tisħiħ tal-preżenza tagħha fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO bil-preżentazzjoni formali ta’ dossier ġdid ta’ nomina bl-isem ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’.
Id-dossier ta’ nomina ġie ppreżentat personalment mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO, Mons. Vella Gauci, flimkien mal-attaché tekniku għad-delegazzjoni permanenti ta’ Malta għall-UNESCO, Mariah Zammit u Dr Anthony Pace.
In-nomina finali, ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’, tinkludi: il-Belt Valletta (li diġà tinsab irreġistrata fil-Lista tal-Wirt Dinji), il-Fortifikazzjonijiet tal-Port fuq in-naħa ta’ Marsamxett, il-Fortifikazzjonijiet tal-Port fuq in-naħa tal-Port il-Kbir, il-Linji ta’ Santa Margerita u l-Linji tal-Kottonera, l-Imdina u ċ-Ċittadella ta’ Għawdex.
In-nomina tippreżenta każ qawwi għall-Valur Universali Eċċezzjonali tal-fortifikazzjonijiet Maltin, li issa se jiġu evalwati mill-Kumitat tal-Wirt Dinji, magħmul minn 21 membru. Jekk in-nomina tirnexxi, il-fortifikazzjonijiet elenkati jingħaqdu mal-Belt Valletta bħala parti minn Proprjetà tal-Wirt Dinji estiża. Dan l-approċċ isegwi l-preċedent li bih siti bħall-Imnajdra, Ħaġar Qim, Tarxien u Skorba ġew miżjuda mal-iskrizzjoni oriġinali ta’ Ġgantija.
//= $special ?>

