Kummerċ Lokali

Malta’s Economic Compass 2026

Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Bank of Valletta jorganizzaw il-Konferenza Annwali dwar l-Ekonomija

Il-Bank of Valletta u l-Kamra tal-Kummerċ organizzaw il-konferenza bit-titlu ‘Malta’s Economic Compass 2026’, li laqqgħet flimkien stakeholders ewlenin f’diskussjoni dinamika dwar l-istat ekonomiku f’Malta, f’dinja li hija aktar kumplessa u imprevedibbli minn qatt qabel. L-ambjent ekonomiku dinji se jibqa’ ta’ sfida, u d-dipendenza fuq il-mentalità ta’ “business as usual” m’għadhiex biżżejjed. Jeħtieġ li nesploraw alternattivi għall-futur, nidentifikaw opportunitajiet ġodda, nikkoreġu dak li hu żbillanċat qabel ma jsir riskju sistematiku.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey, irrimarka li, “mill‑perspettiva tal‑Kamra tal‑Kummerċ, hemm tliet prijoritajiet ċari. It‑tkabbir futur ta’ Malta għandu jkun immexxi mill‑produttività, b’enfasi fuq il‑ħiliet, it‑teknoloġija, governanza b’saħħitha u regolamentazzjoni li toħloq valur fit‑tul aktar milli qligħ fuq medda qasira ta’ żmien. Dan jirrikjedi għażliet deliberati dwar liema setturi għandhom jiġu appoġġjati u b’liema mod. Malta għandha wkoll bżonn approċċ onest u kkoordinat lejn id‑demografija u l‑ħaddiema. It‑talent barrani huwa essenzjali, iżda għandu jkun akkumpanjat minn ippjanar tajjeb għall‑integrazzjoni, l‑akkomodazzjoni, l‑infrastruttura u l‑koeżjoni soċjali. Fl‑aħħar nett, setturi ewlenin bħat‑turiżmu u l‑proprjetà għandhom imorru lil hinn mill-mentaltà “business as usual” lejn mudelli ta’ valur ogħla, ippjanati aħjar u mmexxija mill‑ESG, li jżommu l‑kompetittività u jqassmu l‑benefiċċji b’mod aktar ġust.”

Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kummerċ, qalet li,  “Ir‑rata baxxa ta’ qgħad f’Malta, għalkemm pożittiva, toħloq ukoll sfidi għan‑negozji li qed ifittxu li jingaġġaw. Fid‑dawl ta’ dan, in‑negozji għandhom jirrevedu l‑proċessi tan‑negozju sabiex iżidu l‑effiċjenza u jeliminaw proċessi superfluwi li jistgħu jiġu trasformati permezz ta’ investiment fit‑teknoloġija. Fir‑rigward tal‑innovazzjoni, minkejja l‑progress li sar, il‑European Innovation Scoreboard jikklassifika lil Malta bħala innovatur moderat, b’lakuni strutturali bħalma hu ‘venture capital’ limitat u n‑numru baxx ta’ gradwati b’dottorat li qed ixekklu ekosistema ta’ innovazzjoni aktar b’saħħitha. It‑tkabbir ekonomiku għandu jiġi evalwat ukoll lil hinn miċ‑ċifri tal‑GDP. It‑tkabbir għandu jkun ippjanat tajjeb, iffukat fuq setturi speċifiċi u bbilanċjat mal‑benesseri. It‑turiżmu juri dan b’mod ċar: il‑Kamra tal‑Kummerċ ilha mill-2021 twissi dwar provvista żejda ta’ akkomodazzjoni, u l‑impatt tagħha jidher b’mod ċar illum. Hekk kif il‑Gvern jinċentiva setturi ewlenin, għandu jibqa’ flessibbli, proattiv u b’viżjoni għall‑futur. Fuq kollox, il‑kwalità għandha tkun definita b’mod ċar u olistiku, u toffri esperjenzi sinifikanti li jibbenefikaw lill‑komunità, filwaqt li jħarsu l‑kultura, il‑wirt u l‑identità ta’ Malta.”

Il‑Kap Eżekuttiv tal‑BOV, Kenneth Farrugia, li ħa sehem ukoll fid‑diskussjoni tal‑panel, tkellem dwar ir‑rwol importanti li s‑settur finanzjarju ta’ Malta jista’ jkollu biex jappoġġja t‑tkabbir ekonomiku fit‑tul permezz tal‑innovazzjoni u l‑investiment fit‑teknoloġija. Huwa nnota li l‑kumpaniji għandhom ikomplu jadottaw it‑trasformazzjoni diġitali u jinvestu fit‑teknoloġija, b’mod partikolari fl‑intelliġenza artifiċjali. “Il‑kumpaniji mhux dejjem qed jaraw il‑benefiċċji fit‑tul tal‑investimenti li qed jagħmlu llum. Irridu ninvestu issa biex niksbu profittabbiltà aktar b’saħħitha fit‑tul,” qal is‑Sur Farrugia. “Il-qofol huwa dak li se nħallu warajna, għandna nkunu mmexxija mill‑wirt li rridu nħallu lill‑ġenerazzjonijiet futuri.” Dwar il‑pensjonijiet, huwa saħaq fuq l‑importanza li wieħed ikun għaqli fl‑użu tal‑flus u fl‑ippjanar finanzjarju fit‑tul.

Malcolm Bray, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan il-Bank of Valletta, għamel id-diskors ewlieni, fejn offra analiżi dettaljata tax-xenarju dinji dejjem aktar imprevedibbli. Huwa nnota li l-bidliet rapidi fl-isferi ekonomiċi, politiċi, teknoloġiċi u ambjentali qed ikomplu jsawru l-iżviluppi madwar id-dinja. Minkejja tensjonijiet ġeopolitiċi kbar, Bray innota li l-perspettiva ekonomika ta’ Malta għadha favorevoli, appoġġjata minn tkabbir ekonomiku sod, qgħad baxx, inflazzjoni li tikkonverġi lejn il-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew, u proporzjon ta’ dejn pubbliku li jibqa’ fi ħdan il-limiti stabbiliti. Huwa enfasizza wkoll kif il-prestazzjoni tal-esportazzjoni ta’ Malta wriet reżiljenza notevoli minkejja l-introduzzjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti, u attribwixxa din is-saħħa għad-diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi ta’ Malta.

Fil-preżentazzjoni tiegħu, Bray tkellem dwar ix-xejriet demografiċi ta’ Malta, it-turiżmu, is-suq tal-proprjetà, u l-finanzi pubbliċi. Huwa nnota l-għadd rekord ta’ wasliet fis-settur turistiku,  filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa li jittejjeb l-infiq reali per capita. Fir-rigward tas-suq tal-proprjetà, spjega l-fatturi li wasslu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali u osserva li għalkemm il-ġid tal-familji kiber maż-żmien, għadu kkonċentrat ħafna fuq il-proprjetà u d-depożiti bankarji, u b’hekk indika li hemm lok għal użu aħjar tal-assi. Dwar il-finanzi pubbliċi, huwa ħeġġeġ li ssir analiżi profonda lil hinn miċ-ċifra tad-defiċit nominali biex tiġi eżaminata d-dinamika tan-nefqa f’konformità mal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE.

Semma oqsma identifikati bħall-immaniġjar tal-iskart muniċipali u l-emissjonijiet fejn Malta għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-UE.

Id-diskussjoni tal-panel bit-titolu “Balancing Growth and Resilience Amid Global Shifts” iffokat fuq is-sitwazzjoni ekonomika attwali ta’ Malta fil-kuntest tal-inċertezza li għaddejja minħabba tensjonijiet ġeopolitiċi.

Immexxija minn Rachel Bondi Attard, Kap tal-Istrateġija tal-Midja u Komunikazzjoni, id-diskussjoni laqqgħet flimkien lil Kenneth Farrugia, CEO tal-BOV; Martese Portelli, is-CEO tal-Kamra tal-Kummerċ; Reuben Debono, CEO tal-Grupp Maypole; u Bernard Attard, Clients & Markets Leader, PwC Malta. Huma identifikaw oqsma ta’ prijorità fejn hemm ħtieġa ta’ bidla u trasformazzjoni strutturali u eżaminaw li l-policies ewlenin għandhom jingħataw prijorità biex jinżamm il-progress u jiġi evitat l-istaġnar.