Ħafna minn dawk li jagħżlu pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jgħixu u jaħdmu f’dawn l-Istati jagħmlu hekk biex milli jaqilgħu jmantnu l-familji tagħhom lura f’pajjiżhom, jew biex ifaddlu biżżejjed biex imorru lura u jgħixu ħajja diċenti fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Wara kollox kif kienu jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin meta f’pajjiżna ma kienx hawn xogħol għalihom. L-aktar wara xi gwerra fejn l-ewwel kienu jagħtu l-enerġija kollha tagħhom biex ir-Renju Unit jirbaħ u wara l-gwerra jsibu rwieħhom bla xogħol u s-soluzzjoni tkun li jemigraw lejn l-Awstralja, il-Kanada, l-Amerika u l-istess Renju Unit, fejn ħafna Maltin għażlu li jgħixu.
Illum il-folja nqalbet. Flok emigrazzjoni għandna immigrazzjoni. Mhux biss aħna l-Maltin iżda l-pajjiżi tal-Ewropa kollha. Dan qed iwassal biex ħafna iktar eluf ta’ miljuni qed joħorġu mill-Unjoni Ewropea u jmorru f’pajjiżi minfejn ikunu ġew l-immigranti.
Fl-2024 dawn l-immigranti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ttrasferixxew għal pajjiżi barra l-UE €52,100 miljun. Irċivew lura €14,800 miljun. Li għalhekk ħalla lill-Unjoni Ewropea bi żbilanċ ta’ €37,300 miljun. Li jekk neħduha mil-lat pożittiv tfisser għajnuna diretta lill-familji u lill-pajjiż minfejn ikunu ġew.
Xi jfisser dan il-ħruġ ta’ miljuni
Dan il-ħruġ ta’ miljuni mill-pajjiż juri d-dipendenza tagħna fuq ħaddiema barranin riżultat ta’ Gvern li bena l-politika tiegħu fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn pajjiżi barra l-UE li jitħallsu inqas u għar-raġunament tal-Gvern iżommu l-pajjiż kompetittiv.
Min-naħa l-oħra, mingħajr ma nitfgħu ebda ħtija fuq dawn l-immigranti li jiġu fostna biex jaħdmu, dawn qed iżommu baxxi l-pagi tal-ħaddiema lokali għax fil-maġġoranza tagħhom jitħallsu pagi baxxi.
Fil-fatt studju minn Lanette Kristel Dela Cruz, studentessa Filippina, li ħareġ minn dissertazzjoni tagħha għal Masters Degree bit-titlu What Makes Working Migrants in Malta Thrive? An Exploratory Sequential Mixed Methods Approach jindika li terz tal-immigranti li qed jaħdmu f’pajjiżna ‘biss jgħixu’ filwaqt li ħafna jissieltu biex iż-żewġt itruf jiltaqgħu.
F’rapport li deher fl-ewwel paġna tat-Times of Malta tal-15 ta’ Diċembru 2025 insibu li mid-dissertazzjoni ta’ Dela Cruz jirriżulta li 47.7 fil-mija minn dawn l-immigranti huma finanzjarjament tajjeb; 29 fil-mija jgħidu li l-akbar sfidi tagħhom kien problemi finanzjarji bħal salarji baxxi u spejjeż għoljin biex jgħixu; 17 fil-mija semmew problemi burokratiċi u 13 fil-mija problemi relatati mal-kirjiet.
F’dan l-istudju 355 minn dawk li pparteċipaw kienu minn barra mill-UE u 81 mill-UE. Ħareġ ukoll li dawk impjegati fis-settur pubbliku kienu qed jgħixu l-aħjar, b’dawk f’impjiegi fis-settur edukattiv u tat-teknika warajhom. Ħaddiema fil-ħwienet u s-supermarkits skurjaw l-inqas punti b’dawk fil-finanzi, l-assigurazzjoni u l-industrija tal-ospitalità jiġu warajhom. Ħaddiema mill-Unjoni Ewropea marru aħjar fil-ħajja professjonali tagħhom, qagħda finanzjarja u relazzjonijiet soċjali.
M’hemmx dubju għal ħafna minn dawn l-immigranti Malta hi l-ewwel pass biex jidħlu f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea fejn il-pagi huma aħjar u jingħataw kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar. Huwa għalhekk ukoll li l-maġġoranza ta’ dawn l-immigranti ma jdumux ħafna f’pajjiżna.
Ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għas-sena 2024 juru li ġew Malta 7,341 ċittadin mill-Unjoni Ewropea u ħallew pajjiżna 5,429. Dan iħalli bilanċ ta’ 1,912. Min-naħa l-oħra ġew 24,200 persuna minn barra l-Unjoni Ewropea u ħallew 16,066 li jħalli bilanċ ta’ 8,134 li baqgħu f’pajjiżna. Ċifri li juru kemm min dawk li jiġu jħallu pajjiżna biex jew jirritornaw lejn pajjiżhom jew isibu xi ħaġa aħjar f’pajjiżi oħrajn tal-UE.
Setturi bi bżonn ta’ ħaddiema minn barra
Meta dan l-aħħar il-Kap tal-PN Alex Borg kien fiż-Żejtun qal li Gvern Laburista tlettax-il sena ilu għażel mudell ekonomiku bażat fuq ħaddiema barranin. Tenna li dan kien mudell li ntuża b’suċċess minn pajjiżi oħra, iżda għax kienu kapaċi jagħmluh bi pjan u fuq medda ta’ snin.
Gvern Laburista f’Malta qabad dan il-mudell u wettqu mil-lum għall-għada, bla pjan biex l-infrastruttura tlaħħaq maż-żidiet. Hu saħaq fuq il-bżonn ta’ Labour Market Study biex ikunu identifikati s-setturi fejn għandna bżonn ħaddiema minn barra. Fl-istess waqt oqsma li nistgħu ninċentivaw biex noffru opportunitajiet ġodda għall-Maltin.
Wara kollox meta l-Lufthansa riedet tiftaħ settur tal-manutenzjoni għall-ajruplani tagħha f’pajjiżna, Gvern Nazzjonalista ra li ġew imħarrġa żgħażagħ Maltin fis-settur tal-inġinerija. Hekk iridu jsiru l-affarijiet u mhux bla pjan.
Nafu x’jgħid il-Malti, Qattusa għaġġelija ħrief għomja tagħmel. Dan il-Gvern b’dak li għamel tefa’ piż qawwi fuq il-pajjiż. Piż li qed jissarraf f’ħafna negattiv. Inklużi dawk li qed jaħarbu minn pajjiżna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 30 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

