John Mary Baptist
Minority Leader
Kunsill Lokali
Marsaskala
Nibda biex nuri solidarjetà ma’ dawk kollha li ġew milquta miċ-ċiklun ‘Harry’. Ma naqsux is-suġġerimenti u l-ideat ħerġin bħall-pastizzi li qed isiru bħalissa rigward l-impatt tiegħu f’Marsaskala u dwar x’jista’ jsir biex dak li seħħ nhar it-Tlieta ma jerġax jirrepeti lilu nnifsu.
Bħalissa, il-midja soċjali hija mimlija b’ideat u suġġerimenti dwar kif sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu miljorati jew evitati fil-futur. Sinċerament nemmen li soluzzjonijiet mgħaġġlin, imxerrda minn esponenti jew persuni li mhumiex esperti fil-qasam, jistgħu jwasslu għal aktar ħsara milli ġid.
Il-kosta għandha tkun protetta
Il-protezzjoni tal-kosta hija dixxiplina speċjalizzata li għandha titwettaq prinċipalment minn inġiniera speċjalizzati fil kosta, b’appoġġ mix-xjenzi ġeoloġiċi, oċeanografiċi u, sa ċertu punt, anke dawk soċjali fejn jieħdu ħsieb is-sostenibbiltà.
Biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u effettivi fit-tul, hemm bżonn l-ewwel nett li nirrikonoxxu li qed nitkellmu dwar fenomenu naturali li mistenni jiżdied kemm fil-frekwenza kif ukoll fl-intensità tiegħu minħabba t-tibdil fil-klima.
Huwa irresponsabbli li wieħed jagħti x’jifhem li miżura waħda, meħuda mingħajr studju xjentifiku serju, tista’ ssolvi problema ta’ din il-portata. Dan joħloq sens falz ta’ sigurtà meta fil-verità qed niffaċċjaw forzi naturali qawwija.
Tajjeb li wieħed ifakkar li dan iċ-ċiklun ma kellux impatti koroh f’Malta biss, iżda kkawża ħsarat sinifikanti wkoll f’pajjiżi oħra fosthom fl-Italja fejn kif rajna kellom kosta iktar robusta.
Ma jistax jiġi injorat ukoll il-fatt li l-livell tal-baħar huwa mistenni jogħla fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant, kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tqis ukoll dan ir-realtà.
Ħsarat fi proprjetajiet u f’negozji
Wieħed jinnota ukoll li il-bajja ta’ Marsaskala kienet imdawra kollha bir-ramel u bil-blat li fih innifsu jmewwet il-mewġ. Wieħed jinnota ukoll li ħafna proprjetajiet u stabbilimenti qegħdin ftit ċentimetri ’ilfuq mil-livell ta’ l-ilma baħar.
Sens komun jitlob li interventi fil-bajja għandhom isiru biss fil-kuntest ta’ viżjoni fit-tul, ippjanar serju u integrat, investiment adegwat u fir-rispett sħiħ lejn l-ambjent.
Importanti ħafna li dawn id-deċiżjonijiet m’għandhomx ikunu influwenzati minn interessi politiċi jew personali, u l-bajja m’għandhiex tingħata lill-privat.
Bħala kunsillier elett f’Marsaskala ilni nisħaq fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza fir-rigward tal-pjanti tal-proġetti iżda dawn inżammu sigriti. Huwa evidenti li l-iktar stabbilimenti li ġarrbu ħsarat huma dawk li jinsabu bi dritt fejn ma kienx hemm ebda lqugħ għax tneħħa ċ-ċint il-qadim minħabba li hemm ix-xogħol għaddej,
Il-ħadid li tpoġġa temporanju fi Triq ix-Xatt biex iżomm il-banner inqala’ u għamel ħsara lill-istess stabbilimenti. Minkejja l-avviz tal maltemp ma tieħdet ebda prekawzjoni.
Miżura li ttieħdet tard
Il-blokki tal-konkos li tpoġġew issa wara l-maltemp fuq in-naħa tal-promenade fejn ix-xogħol għadu mhux lest kienu miżura tajba iżda ttieħdet tard wisq.
Ma jistax jonqos ukoll li wieħed jinnota l-ħsara li saret fiż-żona taż-Żonqor. Minbarra l-qawwa tal-baħar, saret ħsara konsiderevoli lill-faċċati ta’ xi residenzi minn biċċiet ta’ ħadid u ġebel li nqalgħu mill-promenade stess.
Wieħed jinnota ukoll li din il-parti taż-Żonqor minn mindu radmu l-baħar u għamlu l-konkos qed isofri konsegwenzi kbar kull meta tagħmel xi maltempata.
Qabel il-maltempata, kienu bosta dawk li staqsew għaliex din in-naħa ta’ Marsaskala ma ġietx inkluża fil-proġett tar-riġenerazzjoni tal-promenade, minkejja li kienet u hi fi stat ħażin ħafna.
Dak li seħħ nhar it-Tlieta għandu jkun sinjal ċar li hemm bżonn ta’ evalwazzjoni serja u komprensiva ta’ x’għandu jingħata prijorità għall-ġid tar-residenti ta’ Marsaskala. L-Iskalin għandhom id-dritt għal promenade sigura tul il-bajja kollha.
Ħtieġa li ċ-ċirkulazzjoni tal-Magħluq tkun restawrata
Waqt kull laqgħa li kont preżenti dejjem sħaqt fuq l-importanza li l-pjazez ikunu iktar għoljin u kemm hu essenzjali li jiġi restawrata ċ-ċirkulazzjoni fil-Magħluq,
Miżuri bażati fuq is-soluzzjonijiet tan-natura, flimkien ma’ ippjanar xjentifiku u responsabbli, huma indispensabbli jekk irridu verament nimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima u nipproteġu lill-komunità ta’ Marsaskala b’mod sostenibbli u fit-tul.
Biex nagħlaq irrid nirringrazzja lill-Potezjoni Ċivili, lill-Pulizijja, lid-Dipartiment tal-Indafa Pubblika u lil kull min kien involut biex nerġgħu nġibu il-ħajja għan-normal.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

