Opinjoni

Opinjoni: Unfiltered -The MŻPN Podcast

Karen Scerri
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi – MŻPN

Dan hu proprju l-podcast, bl-isem: ‘Unfiltered: The MŻPN Podcast’. Dan il-proġett twieled minn ħsieb sempliċi imma importanti ħafna: il-ħtieġa li jinħoloq spazju fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitkellmu b’mod miftuħ, onest u mingħajr filtri dwar dak li verament jolqothom.

Għaliex dan il-podcast?
L-għan ta’ dan il-podcast hu li kull ġimgħa noħolqu diskussjoni sinċiera dwar temi li qed jaffettwaw lil pajjiżna u, fuq kollox, lill-ħajja taż-żgħażagħ.
Mhux diskussjonijiet riġidi jew formali, imma konversazzjonijiet reali u awtentiċi, mhux biss dwar il-politika, iżda wkoll dwar temi soċjali u kulturali li huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-MŻPN hu proprju li nressqu aktar żgħażagħ qrib il-Partit Nazzjonalista. Għalhekk, fl-ewwel episodju xtaqna nibdew billi naqsmu l-esperjenzi personali tagħna: kif bdejna ninvolvu ruħna, x’qanqalna, u għaliex nemmnu li ż-żgħażagħ għandhom rwol importanti fil-politika. Wara kollox, għaliex iż-żgħażagħ għandhom jingħaqdu magħna?

Diskussjoni mibnija fuq esperjenzi personali
Kien għalhekk li fl-ewwel episodju, flimkien mal-President tal-MŻPN Thomas De Martino u Bernice Bonello, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali, tkellimna dwar x’wassalhom biex jinvolvu ruħhom fil-politika minn età relattivament żgħira.
Dak li ħareġ ċar kien li l-vjaġġ tagħhom ma bediex minn karigi jew titli fi ħdan l-istrutturi tal-Partit, imma mill-attiviżmu studentesk u mix-xewqa ġenwina li jagħmlu differenza.
Huma spjegaw kif, meta kienu involuti f’organizzazzjonijiet studenteski, indunaw kemm hu ta’ sodisfazzjon li tkun ta’ servizz u li taħdem għal għan li jtejjeb il-ħajja tan-nies ta’ madwarek.

L-isfidi u l-bidliet fl-attiviżmu taż-żgħażagħ
Barra minn hekk, Thomas u Bernice tkellmu dwar kif l-attiviżmu studentesk u l-involviment fil-politika ma jagħtux biss sodisfazzjon personali, iżda joffru wkoll ħiliet essenzjali li diffiċli titgħallimhom biss mill-bank tal-iskola, bħall-komunikazzjoni, it-tmexxija, time management, id-dixxiplina personali u l-ħsieb kritiku.
Naturalment, tkellimna wkoll dwar l-isfidi li ħafna żgħażagħ jiltaqgħu magħhom meta jidħlu f’ambjenti politiċi, kif ukoll kif inbidel l-attiviżmu matul is-snin.
Is-social media giet deskritta bħala għodda b’saħħitha li tista’ ssaħħaħ il-vuċi taż-żgħażagħ, iżda fl-istess ħin qed tikkontribwixxi biex ħafna jitbiegħdu mill-politika, speċjalment meta jaraw kummenti negattivi jew attakki personali.
Punt interessanti li tqajjem kien rigward l-irwol li għandha s-sistema edukattiva. Il-politika ma tistax tibqa’ titqies bħala tabù fl-iskejjel. Meta diskussjonijiet politiċi jiġu evitati jew imwarrba, dan jillimita l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku fost iż-żgħażagħ u jnaqqas l-opportunità li jitgħallmu janalizzaw ideat differenti b’mod matur u rispettiv.
L-edukazzjoni għandha tħeġġeġ id-dibattitu, il-mistoqsijiet u l-espressjoni ta’ opinjonijiet infurmati, sabiex iż-żgħażagħ jikbru bħala ċittadini attivi li jifhmu r-realtajiet ta’ madwarhom u mhux jibżgħu jitkellmu dwarhom.

Messaġġ ta’ kuraġġ
L-ewwel episodju ngħalaq b’nota pożittiva u b’messaġġ ċar: il-politika u l-attiviżmu għandhom bżonn liż-żgħażagħ. Mhux biss bħala spettaturi, imma bħala parteċipanti attivi li jġibu ideat ġodda, enerġija u perspettivi differenti.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Jannar, 2026.