Opinjoni

Opinjoni: Viċin in-nies f’mumenti diffiċli

Il-maltempata ‘Harry’ għamlet ħsarat konsiderevoli u estensivi anki fil-bajja ta’ Għar Lapsi u kkaġunat tkissir u ħerba

Julian Borg
Sindku
Kunsill Lokali
Siġġiewi

Il-maltemp qawwi li laqat lil pajjiżna din il-ġimgħa ħalla warajh xeni ta’ ħsara li jolqtu lill-qalb, b’mod partikolari lill-bajja tant għal qalbna ta’ Għar Lapsi.
Din iż-żona, li għal snin twal serviet bħala spazju ta’ mistrieħ, xogħol u tradizzjoni għal ħafna familji Siġġiwin, sofriet danni sinifikanti kemm fl-infrastruttura kif ukoll fl-aċċess tagħha.
Bħala Sindku tas-Siġġiewi, inħoss responsabbiltà kbira li nkun viċin ta’ dawk kollha milquta u li nħares ’il quddiem b’viżjoni ċara u sostenibbli.
Mill-ewwel mumenti wara l-maltemp, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien preżenti fil-post. Kien importanti għalina li nisimgħu direttament lis-sajjieda u lissidien tad-dgħajjes li raw snin ta’ xogħol u investiment tagħhom mhedda fi ftit sigħat. Bl-istess mod, konna qrib ir-residenti Siġġiwin li jqisu lil Għar Lapsi bħala parti mill-identità tagħhom.
Il-messaġġ tagħna kien wieħed ċar: il-Kunsill jinsab magħkom, jifhem it-tħassib tagħkom, u se jaħdem biex isib soluzzjonijiet konkreti.

Inneħħu l-periklu li nħoloq
L-ewwel xogħlijiet huma biex jitneħħa l-periklu u jsiru l-ispezzjonijiet strutturali kemm ta’ strutturi kif ukoll tal-blat naturali. Se jitneħħew ukoll id-dgħajjes min-naħa tal-bajja biex b’mod temporanju tiġi evalwata iż-żona.
Il-ħsarat li rajna mhumiex biss materjali. Huma wkoll emozzjonali. Għal ħafna, Għar Lapsi mhix biss bajja, imma tifkira, sors ta’ għajxien, u spazju ta’ komunità.
Hu għalhekk li qed inħarsu lejn ħidma b’soluzzjonijiet mhux mgħaġġla jew superfiċjali, imma wieħed mibni fuq konsultazzjoni, rispett u ppjanar fit-tul.
Fl-istess waqt, dan l-avveniment diffiċli għandu jservi wkoll bħala mument ta’ riflessjoni u opportunità. Il-klima qed tinbidel, u maltempati bħal dawn qed isiru aktar frekwenti u intensi.
Għalhekk, il-viżjoni tagħna għal Għar Lapsi trid tkun waħda li tħares lejn il-futur, għall-ġid tal-komunità kollha, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ in-natura unika ta’ dan is-sit.
Aħna nemmnu f’Għar Lapsi li tkun aktar reżiljenti, b’infrastruttura li tiflaħ għall-elementi naturali, aċċess aktar sigur, u spazji organizzati aħjar kemm għas-sidien tad-dgħajjes kif ukoll għal min iżur dan il-post. Fl-istess ħin, irridu nħarsu l-ambjent naturali; il-blat, il-baħar, u l-ekosistema delikata li tagħmel lil din il-bajja tant speċjali.

Lejn intervent b’mod responsabbli
Il-Kunsill Lokali se jkompli jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet, mal-esperti ambjentali, u mal-komunità biex kull intervent isir b’mod responsabbli u trasparenti.
Il-vuċi tan-nies se tibqa’ ċentrali f’dan il-proċess, għax nemmnu li soluzzjonijiet sostenibbli jitwieldu mill-kollaborazzjoni. Huwa għalhekk li f’aħħar sigħat bħala Sindku tas-Siġġiewi tlabt lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex flimkien noħolqu ‘task force’ fejn ikollna ħidma kordinata u ffukata.
Il-bajja ta’ Għar Lapsi għaddiet minn żminijiet diffiċli oħra fil-passat, u dejjem irnexxielha tqum mill-ġdid. Bl-għaqda, bil-fehim u b’viżjoni ċara, jien konvint li nistgħu nerġgħu nibnu mhux biss dak li nkiser, imma futur aħjar għal din il-bajja u għall-komunità kollha ta’ Siġġiewi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Jannar, 2026.