Futbol Sport

Qarabağ interessati fl-internazzjonali Malti, Ilyas Chouaref

Ilyas Chouaref
Ilyas Chouaref

Il-media fl-Ażerbajġan matul din il-ġimgħa żvelat li l-aktar klabb ta’ suċċess fil-futbol Ażerbajġani, Qarabağ xeħtu għajnejhom fuq l-akkwist tal-plejer internazzjonali Malti, Ilyas Chouaref.

Il-paġna soċjali fuq Instagram FtblAzerbaijan_, qed tirraporta b’mod esklussliv li f’dawn l-aħħar jiem bdew diskussjonijiet dirett bejn iż-żewġ klabbs, iġifieri FC Sion li magħhom jilgħab Chouaref u Qarabağ, bit-tama li l-Ażeri jirnexxilhom jagħlqu dan it-trasferiment fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.

Din l-istorja kienet ukoll segwita mill-viċin mis-sit popolari, b’reputazzjoni kbira fejn jidħlu trasferimenti ta’ plejers minn madwar id-dinja kollha, Transfermarkt li qed tagħti persentaġġ ta’ 62% għall-possibiltá li dan it-trasferiment iseħħ.

Skont ir-rapport li deher fil-media tal-Ażerbajġan, iż-żewġ klabbs inkwistjoni “qed iħarsu lejn dan it-trasferiment b’mod pożittiv”, u jekk ir-rapporti li qed jidhru huma minnhom, jidher li t-trasferiment ta’ Chouraef minn ma’ FC Sion għal ma’ Qarabağ hu viċin li jseħħ. Fl-istess waqt, minn mindu ħarġet din l-istorja, li Net News sar jaf biha mal-ewwel iżda stennejna biex naraw jekk ikunx hemm żviluppi qabel nirrapurtawha lokalment, ma kien hemm ebda aġġornament ġdid.

Hu fatt, li Chouaref hu wieħed mill-fenomeni li qatt kellu t-tim nazzjonali Malti, bil-plejer għażel li jilgħab għal Malta fl-2025, fl-etá ta’ 25 sena meta kellu ċ-ċans li jagħżel li jilgħab għal tliet pajjiżi oħra; Franza, Marokk u l-Alġerija.

L-istorja ta’ Chouaref nafuha. Il-kunjom tiegħu ħiereġ mil-kunjom Malti Xuereb, u wara riċerka dettaljata li kienet għamlet l-MFA, sar magħruf li Chouaref għandu dixxindenza Maltija minn ommu, bil-familjari tiegħu kienu minn Nadur, f’Għawdex iżda bħal bosta Maltin u Għawdxin, fil-bidu tas-seklu għoxrin, il-familjari tiegħu (sintendi meta Chouaref kien għadu lanqas twieled; inkluż ommu), kienu emmigraw minn Malta u bdew ħajja ġdida lejn in-naħa ta’ fuq tal-Afrika.

Il-plejer, li għandu valur fis-suq ta’ €3 miljuni, kien qed ikun segwit minn klabb Torok, li jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-pajjiż, b’din l-aħbar kienet żvelata minn Replay u kkonfermata indirettament mil-plejer inifsu għaliex kien ixxerja l-istess storja ta’ Replay permezz tal-midja soċjali tiegħu.

Filwaqt li l-Misli Premyer Liqası, l-ogħla diviżjoni tal-futbol fl-Ażerbajġan, m’huwiex l-aktar Kampjonat idejali li plejer tal-kwalitá ta’ Chouraef jistħoqlu jilgħab fiħ, wieħed ma jridx jinsa li l-klabb inkwistjoni, Qarabağ f’dawn l-aħħar snin kienu fi klassi għalihom u ddomminaw fir-rebħ tal-unuri maġġuri. Tant hu hekk li f’dawn l-aħħar erba’ snin, Qarabağ rebħu l-Kampjonati lokali dejjem u sal-lum rebħu l-Kampjonat 12-il darba.

Qarabağ hu wieħed mis-16-il tim li din il-ġimgħa għamilha għall-istadju tal-play-offs tal-UEFA Champions League u se jilgħabu kontra Newcastle United tal-Ingilterra. Kemm il-darba Chouraef jiffirma ma’ Qarabağ, l-internazzjonali Malti ikun jista’ jilgħab f’stadju daqstant avvanzat tal-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fuq livell ta’ klabbs Ewropej.