Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, annullat is-sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti tal-Maġistrati kontra Josè Bajada, wara li kkonkludiet li s-sentenza appellata kienet ivvizzjata b’nuqqas formali sostanzjali li jirrendiha nulla skont il-liġi.
Il-każ jirrigwarda akkużi ta’ falsifikazzjoni, użu ta’ dokumenti foloz, dikjarazzjonijiet foloz u attentat ta’ frodi relatati ma’ Construction Notification Forms (CNFs) ippreżentati lill-OHSA minn AME Health and Safety Services Ltd.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lil Bajada ħati u kkundannatu għal sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, iżda l-appellant ressaq appell fejn sostna, fost oħrajn, li l-ħtija tiegħu kienet ibbażata kważi esklussivament fuq ix-xhieda ta’ ko-akkużati, mingħajr provi indipendenti li jikkorroborawhom.
Fil-valutazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell innutat li, għalkemm Bajada kien akkużat u nstab ħati taħt l-Artikolu 167 tal-Kodiċi Kriminali, is-sentenza tal-Ewwel Qorti naqset milli ssemmi b’mod ċar u korrett l-artikoli tal-liġi li taħthom instabet il-ħtija, kif jitlob espressament l-Artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali.
Barra minn hekk, is-sentenza kienet kontradittorja, peress li f’parti minnhom iddikjarat li l-imputat instab ħati tal-imputazzjonijiet kollha, iżda ftit wara sostniet li imputazzjoni waħda kienet alternattiva għal oħra u għalhekk ma kinitx se tittieħed konjizzjoni tagħha.
Il-Qorti saħqet li skont ġurisprudenza kostanti, in-nuqqas li jiġu indikati b’mod preċiż l-artikoli tal-liġi li fuqhom tistrieħ il-kundanna jammonta għal nuqqas ta’ formalità sostanzjali li jwassal għan-nullità tas-sentenza, anke jekk tali nuqqas ma jkunx tqajjem espressament bħala aggravju fl-appell. Dan id-difett, iżda, ma jaffettwax il-proċeduri kollha li saru quddiem l-Ewwel Qorti, iżda biss is-sentenza nnifisha.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza appellata u rrinvijat l-atti lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex, mingħajr ma l-partijiet jiġu mċaħħda mill-benefiċċju tad-“doppio esame”, Bajada jerġa’ jitqiegħed fil-pożizzjoni li kien fiha qabel ma ngħatat is-sentenza u tingħata sentenza ġdida skont il-liġi.
//= $special ?>

