Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, iddeċidiet li ma kienx hemm diskriminazzjoni fil-mod kif ġiet applikata l-liġi emendata dwar il-kmamar tan-nar, iżda fl-istess ħin sabet li r-residenti sofrew ksur tad-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq, u għalhekk ordnat li jingħataw kumpens non-pekunjarju.
Din is-sentenza hija rebħa għal kamra tan-nar tal-Każin Santa Marija tal-Mosta u li kieku s-sentenza kienet ingħatat mod ieħor mat-30 kamra tan-nar kienu se jiġu affettwati. Numru ta’ residenti u persuni kienu qalu li l-Att IX tal-2018, li emenda l-liġi dwar l-esplussivi, kien applikabbli għal kulħadd iżda fil-prattika ntuża biss biex jipproteġi l-kamra tan-nar tal-Każin Santa Marija tal-Mosta.
Il-Qorti qalet li rat illi l-intervent leġislattiv sar bil-ħsieb illi jikkjarifika l-liġi eżistenti, in kwantu jiddefinixxi aħjar dak illi l-liġi kienet tifhem bħala “triq” illi kellha tkun fl-akwati ta’ kamra tan-nar, u tifhem illi, fil maġġor parti tal-każijiet, interventi leġislattivi jew emendi fil-liġi jiġu xprunati minn deċiżjonijiet tal-Qrati illi jiddikjaraw liġijiet anti-kostituzzjonali, jidentifikaw anomaliji jew diverġenzi bejn liġi u oħra, u jidentifikaw lakuni jew nuqqasijiet f’liġijijiet in vigore.
Minn dan isegwi illi din il-Qorti tifhem ukoll illi m’hemmx x’tiċċensura fil-fatt illi s-sentenza tal-Qorti tal-Appell (Superjuri) wasslet sabiex jidħol fis-seħħ l-Att IX tal-2018, bħalma lanqas issib x’tiċċensura fil-fatt illi l-Avviż Legali 152 tal-2018 daħal fis-seħħ ukoll konsegwenza tal-istess ċirkostanzi.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tirrikonoxxi wkoll illi l-emendi ma sarux biss sabiex jaġevolaw il-kamra tan-nar in kwistjoni, iżda l-kmamar tan-nar kollha li kienu gia eżistenti u li kienu f’periklu illi jkollhom il-permessi tagħhom ukoll dikjarati nulli.
Il-logħob tan-nar għandu postu fil-kultura Maltija
Fl-aħħar mill-aħħar, hekk kif jidher ukoll ċar mir-rapport tal-Perit Noel Gauci, fil-maġġor parti tagħhom il-kmamar tan-nar eżistenti kollha kienu se jgawdu bl-emenda introdotta fil-liġi, u huwa, fil-fehma tal-Qorti, diffiċli sabiex jibqgħu operattivi l-kmamar tan-nar kollha gia eżistenti, fid-distanzi kif interpretati mill-Qorti tal-Appell (Superjuri).
Dan meta l-ispazju f’Malta huwa dak li hu, u, f’pajjiż fejn l-iżvilupp qiegħed jiżdied b’rata mgħaġġla sabiex jiġu akkomodati l-esiġenzi ekonomiċi rikjesti minnu u l-popolazzjoni illi kull ma jmur qed tiżdied, spazji ‘l bogħod minn kwalsiasi triq, inkluż dawk rurali, huma ftit, jekk effettivament fadal minnhom.
Il-Qorti qalet li tifhem illi l-Istat għandu obbligu impost fuq mill-Kostituzzjoni ta’ Malta sabiex iġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-kultura (Art 8), u l-protezzjoni ta’ tradizzjonijiet bħalma huma l-logħob tan-nar, illi huwa parti integrali mill-festi Maltin kif iċċelebrati tradizzjonalment, liema festi llum il-ġurnata huma
saħansitra kkonsidrati wirt intanġibbli tal-UNESCO. u tifhem ukoll għalhekk illi l-intenzjoni tal-leġislatur kien effettivament illi jipproteġi din it-tradizzjoni.
Saħansitra anke l-Qorti Ewropea stess, fis-sentenza mogħtija fl-ismijiet Zammit Maempel v. Malta, qalet,”Il-Qorti tqis li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-wirjiet tan-nar tal-artifiċċju huma fost l-aktar attrazzjonijiet ewlenin ta’ festa tal-lokalità, li tattira kemm lir-residenti tar-raħal kif ukoll lil Maltin oħra u turisti, u li din l-okkażjoni bla dubju tiġġenera ċertu dħul.
“Għaldaqstant, tal-inqas sa ċertu punt, tgħin lill-ekonomija ġenerali. Barra minn hekk, il-Qorti m’għandhiex dubju li l-festi tradizzjonali tal-irħula jistgħu jitqiesu bħala parti mill-wirt kulturali u reliġjuż Malti. Naturalment, il-manifattura tal-logħob tan-nar huwa dak illi jwassal sabiex jinżammu l-istess spattakli”.
Il-Qorti però ma qablitx ma’ din il-pożizzjoni u qalet li l-liġi kienet maħsuba biex tipproteġi l-kmamar tan-nar kollha li kienu diġà jeżistu qabel l-1994, inklużi oħrajn li jinsabu f’distanzi iqsar minn toroq rurali milli tippermetti l-liġi. Skont il-Qorti, dawn il-kmamar tan-nar ibbenefikaw awtomatikament mill-emendi u baqgħu operattivi.
Id-differenza fil-każ tal-kamra tan-nar tal-Mosta, qalet il-Qorti, kienet li din kienet is-suġġett ta’ kawżi ġudizzjarji li wasslu biex il-permessi tagħha jiġu ddikjarati nulli mill-qrati. L-emendi fil-liġi daħlu fis-seħħ propju biex jevitaw li jinħolqu sitwazzjonijiet simili fil-futur. Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-diskriminazzjoni
Madankollu, il-Qorti sabet li kien hemm ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea, minħabba li dawn kisbu sentenza finali li effettivament ma setgħetx tiġi infurzata minħabba intervent leġiżlattiv sussegwenti. Minkejja dan, il-Qorti rrifjutat li tannulla jew tagħmel inapplikabbli l-emendi fil-konfront tal-kamra tan-nar tal-Mosta, għax dan kien joħloq trattament differenti bejn din u kmamar tan-nar oħra li bbenefikaw mill-istess liġi.
Minflok, il-Qorti ddeċidiet li r-rimedju xieraq kien kumpens finanzjarju. Hija rrifjutat li tagħti kumpens ibbażat fuq id-differenza fil-valur tal-proprjetà, billi qalet li r-residenti kienu ffukaw l-aktar fuq tħassib ta’ sigurtà u li kull żieda fil-valur kienet temporanja u mhux garantita.
Għalhekk, il-Qorti illikwidat kumpens non-pekunjarju ta’ €10,000 lil kull wieħed minn Brian Abela, Martin Vella u Emmanuel Attard, u €10,000 bejniethom lil Joseph Vella, Luke Vella u Rosanna Vella, għal total ta’ €40,000, bħala kumpens għall-ansjetà u t-tbatija mentali li sofrew.
Il-Qorti ordnat li dan il-kumpens jitħallas mill-Avukat tal-Istat, peress li kien l-Istat li ppromulga l-emendi leġiżlattivi. Fl-istess sentenza, il-Qorti laqgħet parti mill-eċċezzjonijiet preliminari mressqa tar-residenti, inkluż li tastjeni milli tieħu konjizzjoni tat-talbiet ta’ wieħed mir-rikorrenti u ta’ dawk ibbażati fuq it-Tnax-il Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li ċaħdet it-talbiet l-oħra relatati ma’ ksur ta’ drittijiet fundamentali differenti.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali, tat sentenza f’rikors imressaq minn diversi residenti li kkontestaw emendi fil-liġi dwar l-esplussivi, b’mod partikolari dawk introdotti permezz tal-Att IX tal-2018, li skonthom ġabu fix-xejn sentenzi finali favurhom dwar il-kamra tan-nar ta’ Santa Marija tal-Mosta.
F’sentenza oħra lura fis-snin kien ingħad l-permess li kien inħareġ fl-1989 għall-bini tal-kamra tan-nar tal-każin Santa Marija tal-Mosta, fil-limiti taż-Żebbiegħ, ma kienx għadu validu. Dan minħabba li l-kumpless tan-nar inbena f’distanza ferm inqas minn dik stabbilità mil-liġi. Madankollu l-emendi fil-liġi bidlu s-sitwazzjoni. Din il-ġlieda legali minn naħa tal-kamra tan-nar kellha wkoll l-appoġġ ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.
Fil-qorti ntqal li grupp ta’ nies kienu oġġezzjonaw għall-permess tal-bini tal-kamra tan-nar hekk kif suppost tħalliet distanza ta’ 183 metru mit-triq kif stipulat mil-liġi, iżda kien hemm biss 105 metri. Ir-rikorrenti argumentaw li l-emendi fil-Kapitolu 33 tal-Liġijiet ta’ Malta, introdotti waqt li kienu għaddejjin proċeduri ġudizzjarji, kisru d-drittijiet fundamentali tagħhom fosthom id-dritt għal smigħ xieraq, il-protezzjoni tal-proprjetà u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif protetti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Huma sostnew li dawn l-emendi wasslu biex sentenzi mogħtija fl-2013 mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u kkonfermati fl-2018 mill-Qorti tal-Appell ma setgħux jibqgħu jiġu infurzati, minkejja li kienu ddikjaraw il-permess tal-kamra tan-nar bħala null u bla effett.
Il-Qorti eżaminat fid-dettall l-istorja leġiżlattiva tal-emendi, inklużi d-dibattiti parlamentari li wasslu għall-approvazzjoni tal-Att IX tal-2018, kif ukoll l-effett tagħhom fuq il-proċeduri pendenti u fuq id-drittijiet akkwistati mir-rikorrenti bis-saħħa ta’ sentenzi finali. Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi, il-kamra tan-nar ingħatat liċenzja ġdida u ġiet meqjusa konformi mal-liġi kif emendata.
Il-Qorti laqgħet parzjalment eċċezzjonijiet preliminari dwar il-locus standi, u ddeċidiet li wieħed mir-rikorrenti, li kien akkwista l-proprjetà tiegħu permezz ta’ bejgħ u ma kienx parti mill-kawża oriġinali tal-1989, ma setax jistrieħ fuq drittijiet li nħolqu minn dik il-kawża. Għaldaqstant, it-talbiet tiegħu ġew miċħuda f’dan ir-rigward, filwaqt li l-kawża kompliet tiġi eżaminata fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti indirizzat ukoll it-talba bbażata fuq it-Tnax-il Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea u rrimarkat li, minkejja li dan ġie rratifikat minn Malta, ma jagħmilx parti mil-liġi interna kif inkorporata fil-Kapitolu 319, u għalhekk ma setax jingħata effett dirett minn din il-Qorti.
Is-sentenza tkompli tanalizza jekk l-intervent leġiżlattiv tal-2018 kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u jekk setax jitqies bħala intervent sproporzjonat li jaffettwa sentenzi finali. Id-deċiżjoni tistabbilixxi linji gwida importanti dwar il-limiti tal-leġiżlatur meta jemenda liġijiet li għandhom effett fuq proċeduri ġudizzjarji u sentenzi definittivi, kif ukoll dwar il-bilanċ bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet individwali. Għal għaqda tan-nar ta’ Santa Marija deher l-Avukat Edward Zammit Lewis.
//= $special ?>

