Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg attenda għal laqgħa tal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) ospitata mill-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković f’Zagreb, il-Kroazja.
Fit-taħditiet, li saru bejn ilbieraħ u llum, kien hemm diskussjonijiet fuq temi differenti – ewlenija fosthom l-isfida tal-popolazzjoni dejjem tonqos tal-Unjoni Ewropea.
Ma setax jonqos li l-laqgħat jibdew b’diskussjoni dwar is-sitwazzjoni kurrenti u l-aħħar żviluppi mill-qasam internazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-perjodu turbolenti li għaddejja minnu d-dinja f’dan il-mument. Bil-mexxejja Ewropej jaqblu fuq il-ħtieġa ta’ Ewropa magħquda li tkun lesta tiffaċċja l-futur, f’dawn iż-żminijiet ta’ volatilità ġeopolitika. Huwa biss bl-għaqda bejn l-Istati Membri li tista’ tkun assigurata l-istabbiltà politika u li l-Ewropa tibqa’ tkun kompetittiva. Fit-tieni jum, imbagħad, kienu diskussi l-prijoritajiet tal-PPE għall-2026.

Fil-bidu tal-laqgħat Alex Borg kellu taħditiet informali ma’ wħud mill-mexxejja preżenti, inkluż mal-President tal-PPE Manfred Weber, il-Viċi Prim Ministru Taljan Antonio Tajani u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fost l-oħrajn. Fost id-diversi Presidenti, Prim Ministri, Kapijiet tal-Oppożizzjoni u mexxejja ta’ partiti membri fl-akbar grupp politiku fl-Ewropa preżenti għat-taħditiet kien hemm il-President ta’ Ċipru Nikos Christodoulides, il-Kanċillier Ġermaniż Merz, il-Prim Ministru Mitsotakis tal-Greċja, dak tal-Polonja Tusk, Simon Harris tal-Irlanda u l-Kap tal-Oppożizzjoni tas-Slovenja Janez Janša. Naturalment preżenti wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Dwar is-suġġett tal-popolazzjoni, waqt l-EPP Leaders’ Retreat il-mexxejja tal-PPE adottaw pożizzjoni komuni fuq kif għandha tkun indirizzata l-isfida tad-demografija fl-Ewropa, b’popolazzjoni li qiegħda kulma jmur tixjieħ, rati baxxi ta’ twelid li qed isiru dejjem aktar persistenti u xejriet soċjali u ġenerazzjonali li kulma jmur qed jinbidlu.
Hu stmat li jekk ix-xejra attwali tkompli kif inhi, sal-2070 l-UE se tkun qed tikkontriwbixxi biss madwar 4% tal-popolazzjoni dinjija meta fil-bidu tas-seklu għoxrin kwart tal-popolazzjoni tad-dinja kienet ġejja mill-kontinent Ewropew.
Il-kompetittività u l-prosperità tal-UE jiddependu fuq is-saħħa tal-popolazzjoni tagħha. Għaldaqstant jekk l-Ewropa tkompli tiċkien u ma tkunx kapaċi ssostni s-saħħa demografika tagħha, issir Ewropa aktar dgħajfa li ma tkunx kapaċi tipproteġi liċ-ċittadini u l-ekonomija tagħha f’dinja li kulma jmur qed issir aktar kompetittiva u instabbli.
Fid-dawl ta’ dan, il-mexxejja Ewropej qablu fuq numru ta’ miżuri biex jindirizzaw din l-isfida b’sostenn lill-ġenituri, il-familji u t-tfal, u aktar inizjattivi fil-qasam tal-housing affordabbli. Sejħu wkoll għat-twqqif ta’ European Demographic Strategy li tanalizza s-sitwazzjoni u toħroġ bi proposti konkreti biex din tiġi indirizzata bis-serjetà. Sejħu wkoll għal European Child Investment Benchmark li jipprovdi sapport fl-oqsma tat-tfulija bikrija, l-edukazzjoni u l-familja. Dan minbarra diversi miżuri oħra intiżi li jkomplu jsaħħu l-popolazzjoni Ewropea.

Fit-tieni nofstanhar ta’ taħditiet, id-diskussjoni ffukat fuq x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-PPE għall-2026, bil-mexxejja jaqblu fuq diversi punti. Dawn jinkludu t-tnaqqis tal-burokrazija u reviżjoni tar-regoli li qed joħonqu l-kompetittività; tisħiħ tal-SMEs u start-ups; aktar investiment fl-innovazzjoni, l-industrija diġitali u l-AI; tisħiħ tal-industrija domestika u s-sigurtà ekonomika; ħarsien tal-bdiewa u l-agrikoltura; tisħiħ tas-saltna tad-dritt; tisħiħ tal-Frontex fil-ħidma kontra l-immigrazzjoni llegali u t-traffikar; u impenn favur il-Patt għall-Mediterran li huwa kruċjali għal Malta u għall-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropa.
Appellaw ukoll biex jingħalqu kemm jista’ jkun malajr in-negozjati dwar il-budget li jmiss tal-UE.
Sadanittant, il-Kap tal-PN Alex Borg kellu wkoll numru ta’ taħditiet bilaterali waqt li kienet għaddejja l-laqgħa proprja tal-PPE.
Apparti l-laqgħa mal-Prim Ministru Plenković tal-Kroazja, Alex Borg kellu diskussjoni interessanti mal-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz f’dik li kienet l-ewwel laqgħa bilaterali bejniethom. Huma ddiskutew fost l-oħrajn kif jistgħu jkomplu jtejbu r-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta bħala l-iżgħar Stat Membru tal-UE u l-Ġermanja, l-akbar pajjiż. Merz kien interessat jisma’ dwar il-qagħda politika f’pajjiżna u ż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-farmaċewtika.


Fil-Kroazja l-Kap tal-PN kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.
//= $special ?>

