Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jistenna ġurnata u ħin mingħand il-Prim Ministru biex ikomplu bit-taħditiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qed jistenna ġurnata u ħin mingħand il-Prim Ministru biex jiltaqgħu ħalli jkomplu bid-diskussjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid.

Dan wara li aktar kmieni llum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rċieva ittra oħra mingħand il-Prim Ministru Robert Abela li fiha rrijafferma d-disponibbiltà tiegħu għal aktar diskussjoni dwar din il-materja.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN reġa’ kiteb lill-Prim Ministru u talbu biex, ġaladarba huwa dispost li jkomplu bid-diskussjoni, jindikalu ġurnata u ħin konvenjenti għalih biex jiltaqgħu.

Fl-ispirtu tal-ftehim ta’ rġulija u kunfidenzjalità li suppost kien hemm bejn iż-żewġ naħat b’rabta mat-taħditiet fuq kariga daqstant importanti, il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux lest jaqa’ għall-ebda tentattiv li jagħmel minn din il-materja ballun politiku u għaldaqstant jistenna biss id-data u l-ħin mingħand il-Prim Ministru biex ikomplu jiddiskutu b’mod serju, riservat u kostruttiv min għandu jimla din il-kariga.

Hekk jitolbu r-rispett lejn kariga ta’ din in-natura, u s-sens ta’ responsabbiltà u maturità msemmija mill-Prim Ministru stess fl-ittra tiegħu. Xejn iżjed u xejn inqas.

Alex Borg jinsab dispost li jiltaqa’ mal-Prim Ministru jkun x’ħin ikun biex ikomplu bit-taħditiet.