Knisja Lokali

Il-Kardinal Pietro Parolin għaddej bi żjara f’pajjiżna

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin jinsab bi żjara f’pajjiżna fuq stedina tan-Nunzjatura Appostolika.

Infatti s-Sibt waranofsinhar, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono laqgħet lill-Kardinal Pietro Parolin fil-Palazz ta’ Sant Anton fejn mal-wasla tiegħu ngħata s-salut mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Matul din iż-żjara tħabbat li l-Kardinal se jkun qed jikkonċelebra il-quddiesa tal-Ħadd fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta bil-quddiesa se ssir bl-Ingliż.

Għaldaqstant, il-Kardinal Pietro Parolin beda ż-żjara tiegħu f’pajjiżna bil-wasla tiegħu fl-Ajruport ta’ Malta fejn ġie milqugħ min-Nunzju Appostoliku Savio Hon Tai-Fai u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, f’isem il-Konferenza Episkopali.

Imbagħad aktar tard Parolin intaqa wkoll mal-Ispeaker tal-Parlament Anglu Farrugia.

Ritratt: SPK

Intant, matul dawn id-diversi żjarat li għamel il-Kardinal Parolin kien akkumpanjat minn Monsinjur. Pavol Talapka, Desk Officer tas-Segretarjat tal-Istat tas-Santa Sede.

Iż-żjara tal-Kardinal Parolin qed tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet li saru matul is-sena li għaddiet u li fakkru s-60 anniversarju mir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede.