Lokali

Il-paga minima ta’ Malta fost l-aktar baxxa fl-Ewropa

Il-paga minima ta’ pajjiżna li tammonta għal €994 hija fost l-aktar baxxa fl-Ewropa.

Ċifri ppubblikati din il-ġimgħa mill-Eurostat juru kif huma biss seba’ pajjiżi oħra li jirreġistraw paga minima aktar baxxa minn tagħna. Dawn iċ-ċifri tal-Eurostat jinkludu 22 pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Ħareġ ukoll li numru ta’ pajjiżi li kellhom paga minima inqas minn tagħna issa qabżu lil Malta f’din l-istatistika. Dan hekk kif pajjiżi bħall-Ġreċja, Polonja u Kroazja raw żieda kbira fil-paga minima tant li issa qabżet l-€1,000.

Il-pajjiżi bl-ogħla paga minima huma Lussemburgu, Irlanda, Ġermanja, Olanda u Belġju bil-pagi huma aktar mid-doppju ta’ pajjiżna. Infatti l-paga minima fil-Lussemburgu taqbeż l-€2,700.

Fl-istatistika ħareġ ukoll li l-paga minima ta’ Malta żdiedet b’medja ta’ 3.2% biss kull sena bejn Jannar tal-2016 u Jannar tal-2026. Dan filwaqt li minn naħa l-oħra numru ta’ pajjiżi Ewropej fosthom Rumanija, Bulgarija u l-Polonja rreġistraw żidiet sostanzjali bil-pagi żdiedu b’medja ta’ 10% kull sena.

U allura, b’dawn iż-żidiet sostanzjali wħud minn dawn il-pajjiżi qabżu lil Malta f’din l-istatistika tal-Eurostat.

Għaldaqstant, matul dawn l-aħħar snin il-paga minima ta’ pajjiżna kienet fiċ-ċentru ta’ diversi diskussjonijiet dan hekk kif eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Intant, fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti b’rabta ma dan is-suġġett fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata.