Lokali

L-Awtorità tal-Konsumatur se jinvestiga t-taħwida tal-kontijiet wara talba mill-PN

Wara t-talba li saret mill-Partit Nazzjonalista sabiex tissokta investigazzjoni dwar it-taħwid li sar fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma – l-Awtorità tal-Konsumatur laqgħet din it-talba, u bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha.

Kien propju ftit tal-jiem ilu illi l-Partit Nazzjonalista żvela kif madwar 50,000 kont, kienu mġiegħla jħallsu kont tad-dawl u l-ilma għola milli suppost wara li l-ARMS ma naqsitilhomx l-eko-riduzzjoni li huma intitolati għalih bi dritt.

Agħar minn hekk, l-ARMS kienet konxja ta’ din il-problema iżda ma ħadet l-ebda azzjoni bir-riżultat illi kienu eluf ta’ familji li ħallsu aktar flus milli suppost.

Kien għalhekk illi l-Partit Nazzjonalista talab formalment investigazzjoni mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, permezz tas-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u s-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea.

Fit-talba lil din l-awtorità, il-Partit Nazzjonalista ffoka fuq id-drittijiet tal-konsumatur, in-nuqqas ta’ trasparenza u l-fatt li r-rifużjonijiet ingħataw biss lil min ilmenta, filwaqt li eluf oħra baqgħu jħallsu ż-żejjed mingħajr ma qatt ġew infurmati.

Minn naħa tagħha, l-Ministru Miriam Dalli kompliet tfarfar dan l-iskandlu żvelat mill-Partit Nazzjonalista billi baqgħet taħrab milli twieġeb dwar meta saret taf dwar din it-taħwida u anke insistiet li kienu għexieren l-ammonti ta’ persuni li kienu affetwati.

Minkejja dan, wara t-talba għall-investigazzjoni, l-Awtorita tal-Konsumatur issoktat bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.