Fl-Istati Uniti, id-Dipartiment tal-Ġustizzja ppubblika sett estensiv ta’ files ġodda relatati mal-każ ta’ Jeffrey Epstein, f’dik li qed titqies bħala l-akbar pubblikazzjoni ta’ dokumenti minn mindu, is-sena li għaddiet, il-Gvern Amerikan awtorizza bil-liġi r-rilaxx ta’ dan il-materjal lill-pubbliku.
B’kollox ġew ippubblikati madwar tliet miljun paġna, ‘il fuq minn 180,000 ritratt u 2,000 filmat, li jkopru snin twal ta’ investigazzjonijiet, korrispondenza u rekords uffiċjali. F’dawn id-dokumenti, l-isem tal-President Amerikan Donald Trump jissemma mijiet ta’ drabi, fatt li qed iżid pressjoni fuq id-dimensjoni politika sensittiva mal-każ.
Id-dokumenti jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-perjodu meta Jeffrey Epstein kien detenut, fosthom rapporti psikoloġiċi u noti dwar il-kundizzjoni mentali tiegħu. Jittrattaw ukoll iċ-ċirkostanzi tal-mewta tiegħu fil-ħabs ta’ New York fl-2019, meta kien qed jistenna proċess fuq akkużi serji ta’ traffikar sesswali ta’ bniet taħt l-età, mewt li ġiet ikklassifikata bħala suwiċidju.
Fost il-materjal ippubblikat hemm ukoll rekords investigattivi dwar Ghislaine Maxwell, sieħba mill-qrib ta’ Epstein, li nstabet ħatja tat-traffikar ta’ bniet taħt l-età u bħalissa qed tiskonta sentenza ta’ 20 sena ħabs.
Id-dokumenti jinkludu wkoll għadd ta’ emails u komunikazzjonijiet oħra bejn Epstein u diversi persuni magħrufa, li jagħtu stampa usa’ tar-relazzjonijiet soċjali u finanzjarji tiegħu.
Il-files jitfgħu dawl fuq ir-rabtiet li kellu Epstein ma’ individwi influwenti u fuq il-mod kif il-problemi tiegħu mal-liġi intensifikaw maż-żmien. Huwa kien instab ħati ta’ reati ta’ sfruttament u abbuż sesswali, każ li kkawża xokk kbir fl-Istati Uniti u lil hinn minnha.
Min-naħa tiegħu, il-President Donald Trump sostna li l-ħbiberija tiegħu ma’ Epstein kienet intemmet snin qabel ma l-każijiet kriminali ħarġu fil-beraħ. Huwa ċaħad li kellu għarfien tar-reati mwettqa minn Epstein u saħaq li qatt ma kien involut f’xi mġiba illegali.
Trump kemm-il darba ċaħad kull allegazzjoni li għamel xi ħaġa ħażina b’rabta mar-relazzjoni tiegħu ma’ Epstein u, sa dan il-mument, qatt ma ġie akkużat formalment b’xi reat mill-vittmi ta’ Epstein.
Ir-rilaxx ta’ dawn id-dokumenti qed jerġa’ jqajjem diskussjoni pubblika wiesgħa dwar il-każ Epstein, it-trasparenza tal-awtoritajiet u r-responsabbiltà ta’ persuni ta’ poter li kellhom kuntatti miegħu.
//= $special ?>

