Matul il-jum tal-Ħadd, il-komunità Pollakka se tfakkar il-memorja tat-tifla ta’ 13-il sena li t-Tnejn li għadda nġarret mill-mewġ fiċ-Ċirkewwa waqt li kienet qed tieħu r-ritratti flimkien ma’ missierha u ħuha.
Għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu se ssir quddiesa għall-memorja ta’ Oliwia fil-Kappella ta’ San Ġwann Bosco Tas-Sliema fejn imbagħad wara l-quddiesa l-kommunità Pollakka se tmur iċ-Ċirkewwa – propju fiz-zona fejn seħħet din it-traġedja li ħasdet pajjiż.
Fiċ-Ċirkewwa dawk preżenti se jpoġġu l-fjuri u jixgħelu x-xemgħat fejn preżenti wkoll se jkun hemm ir-rappreżentanti mill-Ambaxxata tal-Polonja f’Malta.
Din it-traġedja seħħet it-Tnejn filgħaxija meta mewġa kbira laħqet lill-familja Pollakka fuq il-moll bil-konsegwenza li t-tifla spiċċat inġarret mill-mewġ, Il-missier prova jsalva lil bintu; iżda f’dak il-mument irnexxielu jsalva biss lit-tifel tiegħu li għandu 17-il sena.
Imbagħad, ftit tal-ħin wara bdiet operazzjoni ta’ tfittxija li damet għaddejja sal-Erbgħa filgħodu – għalkemm sfortunatament it-tifla nstabet bla ħajja, f’qiegħ il-baħar, maqbuda mal-blat.
Intant, kien konfermat ukoll minn naħa tal-awtoritajiet illi l-ġenituri tat-tifla mal-ewwel ingħataw l-assistenza psikoloġika neċessarja wara t-trawma li għaddew minnha.
//= $special ?>

