Lokali

Adrian Delia jappella għal aktar sigurtà wara li ‘gang’ tħebb għal ibnu f’Tas-Sliema f’post pubbliku

“Din mhux kwistjoni politika imma kwistjoni ta’ sigurtà – il-konsegwenzi setgħu kienu ħafna agħar”

Inħoss li għandi nitkellem – mhux bħala politiku imma bħala ġenitur l-ewwel u qabel kollox.

Hekk saħaq id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia permezz ta’ post fuq Facebook fejn stqarr li tul il-jum tas-Sibt grupp ta’ żgħażagħ ħebbew għal ibnu f’Tas-Sliema.

Adrian Delia saħaq li fi tmiem il-ġimgħa r-rapporti ta’ każijiet bħal dawn magħmulin minn gangs, u attakki fuq żgħażagħ oħrajn qed jindika li hawn problema serja ta’ vjolenza u aġir li ma jistax jibqa’ jiġi injorat.

Huwa sostna li l-ebda ġenitur m’għandu jkollu joqgħod jinkwieta li uliedu se jkunu qed iweġġgħu jew jispiċċaw f’inkwiet waqt li jkunu qiegħdin f’post pubbliku.

Filwaqt li saħaq li ibnu jinsab f’qagħda stabbli, insista li l-konsegwenzi setgħu kienu ferm agħar.

Adrian Delia irringrazzja qabel xejn lil sħabu li ċemplu minnufih għall-għajnuna, kif ukoll lill-istaff mediku fl-Isptar Mater Dei flimkien ukoll mal-uffiċjali tal-Pulizija li qed jieħdu ħsieb dan il-każ b’serjetà.

Delia insista li dan il-każ ma tidħolx il-politika partiġjana fiha, iżda s-sigurtà ta’ uliedna – għas-serħan il-moħħ kemm taż-żgħażagħ nfushom kif ukoll tal-ġenituri u l-familji.