Lokali

“Determinat li nkompli nagħti t-tama lin-nies li pajjiżna verament se jkun rebbieħ” – Alex Borg

Ritratt: Martin Agius

“Irridu naslu fi qbil .Il-kelma’ ta’ raġel se nżommha u se nibqa’ b’mod kunfidenzjali nitkellem mal-Prim Ministru.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, waqt li kien qed jindirizza l-attività politika ‘Qrib Tagħkom’ – li saret fil-binja tal-AŻAD fil-Belt Valletta.

Matul din l-attività l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, kien intervistat mill-Editur Eżekuttiv tal-MaltaToday, Kurt Sansone. Mistoqsi dwar il-ħatra tal-Prim imħallef Consuelo Scerri Herrera – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li lest li jinsab deċiż sabiex ikompli d-diskussjoni mal-Prim Ministru bil-għan li flimkien jaslu għal għażla xierqa.

Saħaq li l-kariga ta’ Prim Imħallef ma tistax issir ballun politiku minkejja dan għaraf li jrid jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti mingħajr tisbit tas-saqajn u piki.

Intant, b’rabta mal-pożizzjoni ta’ jekk Malta għandiex tissieħeb mal-Bord tal-Paċi, Alex Borg faħħar lid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Mario Demarco li baqa’ jagħfas lill-Prim Ministru sabiex Abela jkun kostrett jiżvela li kellu stedina informali – madanakollu preċiża jgħid li sallum ħadd m’għandu idea x’inhuma l-kundizzjonijiet li nġiebu fuq il-mejda. Fid-diskors tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, saħaq li rridu naraw ir-ramifikazzjonijiet legali li ningħaqdu mal-Bord tal-Paċi filwaqt li sostna li bla dubju jistenna li ssir diskussjoni fil-Parlament, b’rabta ma’ din il-materja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, saħaq li ma jistax jaqbel mal-mod ta’ kif il-President tal-Istati Uniti kien qed jitkellem b’rabta ma Greenland. Stqarr li huwa kburi li hu Malti u Ewropew u dejjem irridu nibqgħu nissalvagwardjaw il-valuri ewropej.

B’rabta mas-surveys tal-Malta Today, li qed jixhdu li d-distakk bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista naqas … Alex Borg saħaq hu determinat li jidħol għall-elezzjoni ġenerali mhux biex inaqqas id-distakk imma biex il-partit nazzjonalista verament jerġa’ jsir Partit rebbieħ.

Fl-istess intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, sostna li gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ in-niċeċ ekonomiċi ta’ pajjiżna kif ukoll isaħħaħ il-penzjonijiet u stipendji.

Mistoqsi dwar l-immigrazzjoni, Alex Borg insista li jeħtieġ labour market study u sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jippubblika studju sabiex is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tkun trasparenti u ċara għal kulħadd.

Finalment huwa sostna li preżentament għaddejja ħidma sabiex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkollu l-irwol ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, jidħol fl-istatut u jkun hemm elezzjoni interna.