“Bil-kundanni ma naslu mkien – għalfejn trid tiċċensura Mexxej Spiritwali li jitkellem favur il-familja?”
L-eks uffiċjal Laburista f’Kastilja, Neville Gafà, ħareġ jikkritika bil-qawwi lis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg hekk kif Gafà ddeskriva li kienet minn tal-ewwel li ħarġet qatta’ bla ħabel kontra l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma.
Dan hekk kif fil-jiem li għaddew, Monsinjur Teuma qasam l-opinjoni tiegħu dwar iċ-Child Care Centres u wissa kontra mentalità fejn it-tfal jitqiesu bħala oġġetti. Bosta kienu dawk li ħadu offiża b’dak li qal l-Isqof; madanakollu oħrajn fehmu dak li kien qed jgħid l-istess Monsinjur. Iżda fuq kollox, kien hemm bosta esperti illi wissew biex dan is-suġġett sensittiv ma jispiċċax tema ta’ dibattitu fuq Facebook – iżda hemm bżonn studji serji, għall-ġid tat-tfal u għall-ġid tal-familji infushom.
Il-verità hi, li ħafna ġenituri ma jistgħux jagħmlu mod ieħor biex ilaħqu mal-ħajja. Dan hekk kif hemm uħud mill-ġenituri li għaliex it-tnejn kostretti joħorġu jaħdmu u jagħmlu sigħat twal, mhux b’għażla, imma b’obbligu – ikollhom iħallu trabi jew tfal t’età tenera ħafna fiċ-ċentri taċ-childcare.
Minn naħa tiegħu, l-esponent tal-Labour Neville Gafà ħareġ jattakka b’mod iebes lil Rebecca Buttigieg hekk kif staqsiha b’liema awtorità tista’ tiskredita jew tiċċensura pożizzjoni ta’ Mexxej Spiritwali li qed jitkellem f’kuntest pastorali. U kif tippretendi li l-Knsija Kattolika ma tesprimix l-opinjoni morali u soċjali tagħha dwar it-tema tal-familja.
Hawnhekk Neville Gafa’ insista li huwa dmir l-Isqof li jenfasizza l-importaza li l-ġenituri jqattgħu aktar ħin ma’ uliedhom fl-ewwel snin ta’ ħajjithom.
Aktar tard, Neville Gafà appella sabiex il-Gvern u l-Knisja jiddjalogaw għal ġid komuni, hekk kif f’botta totali lejn Rebecca Buttigieg – u anke lejn il-Ministru Miriam Dalli li ukoll kritikat lill-Isqof Anton Teuma – insista li bil-kundanni ma huma se jaslu mkien.
//= $special ?>

