Lokali

“Għada Oliwia kellha tirritorna lura l-iskola” – dieqa kbira fost l-għalliema u l-ħbieb tat-tifla li tilfet ħajjitha fiċ-Ċirkewwa

Din hija telfa li qatt ma immaġinajna li se nġarbu – telfa li ħasdet komunnità sħiħa u ħalliet weġgħa li diffiċli tifimha.

Din kienet ir-reazzjoni tal-iskola primarja Lazach Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, fejn Oliwia kienet tattendi, it-tifla Pollakka li ftit tal-jiem ilu tilfet ħajjitha traġikament meta nbelgħat mill-mewġ fiċ-Ċirkewwa.

Fit-2 ta’ Frar, it-tifla ta’ 13-il sena suppost kellha tirritorna lura l-iskola wara waqfa tal-vaganzi, madanakollu, sfortunatament hi mhux se tkun qed tmur lura bilqiegħda fil-klassi.

Rapporti fil-ġurnali Pollakki spjegaw li l-ħasda u d-dieqa għall-istudenti, għalliema u ġenituri ta’ tfal oħra li kienu jafuha, kienet waħda kbira. Il-Kunsill tal-Iskola flimkien ukoll mat-tmexxija esprimew id-dieqa tagħhom filwaqt li fl-aħħar jiem saħansitra ħabbru li se jkunu qed iħejju wkoll psikologi għal kull min kien jaf lil Oliwia u jixtieq jiftaħ qalbu magħhom f’dan il-mument tant diffiċli.

Marta Natalia Maciejak, is-Sindku tal-komun ta’ Lesznowola, fejn kienet toqgħod Oliwia flimkien mal-ġenituri tagħha u ħuha,  saħqet li dan huwa verament mument ta’ dieqa għal komunità kollha filwaqt li appellat sabiex l-iskola; kemm l-edukaturi kif ukoll sħaba tal-iskola jingħataw kull għajnuna possibbli f’dan il-perjodu.