Id-daqqa għall-komunità Pollakka f’Malta għadha evidenti – kienet ġimgħa li ħalliet marka kbira – ġimgħa li ħasdet lill-familja li suppost għaliha, Malta kellha tkun il-vaganza ideali għal ftit jiem ta’ mistriħ – iżda d-destin ried xort’oħra.
Matul il-jum tal-Ħadd, il-komunità Pollakka fakkret il-memorja tat-tifla ta’ 13-il sena li t-Tnejn li għadda nġarret mill-mewġ fiċ-Ċirkewwa waqt li kienet qed tieħu ritratti flimkien ma’ missierha u ħuha.
Għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu saret quddiesa għall-memorja ta’ Oliwia Wojnowska fil-Kappella ta’ San Ġwann Bosco f’Tas-Sliema – fejn inħass sew is-sens ta’ luttu li għadu evidenti fost il-Pollakki li jgħixu f’pajjiżna.
Il-quddies tmexxiet mir-Reverendu Robert Chrzascz, Delegat tal-Konferenza Episkopali Pollakka.
Preżenti kien hemm l-ambaxxatur għall-Polonja Gavin Gulia, l-ambaxxatur Pollakk f’Malta Tomasz Czyszek, is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow, uffiċjali mit-timijiet ta’ emerġenza u diversi familji Pollakki li jgħixu f’Malta.
Din it-traġedja seħħet it-Tnejn filgħaxija meta l-mewġ għoli ġarr lit-tifla, lil missierha u lit-tifel l-eiħor tiegħu minn fuq il-moll; bil-konsegwenza li t-tifla spiċċat inġarret bil-baħar.
F’dak il-mument, kien biss il-missier u t-tifel ta’ 17-il sena li salvaw.
Oliwia spiċċat maqbuda mal-blat, f’qiegħ il-baħar. U l-katavru tagħha ittella’ mill-għaddasa wara tliet ijiem ta’ tfittxijiet.
Intant, dwar dan il-każ għaddejja inkjesta Maġisterjali.
//= $special ?>

