Lokali

Iċ-ċoff roża – timijiet ta’ emerġenza jsellmu l-memorja ta’ Oliwia Wojnowska

Matul il-jum tal-Ħadd, il-komunità Pollakka fakkret il-memorja tat-tifla ta’ 13-il sena li t-Tnejn li għadda nġarret mill-mewġ fiċ-Ċirkewwa waqt li kienet qed tieħu ritratti flimkien ma’ missierha u ħuha.

Għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu saret quddiesa għall-memorja ta’ Oliwia Wojnowska fil-Kappella ta’ San Ġwann Bosco f’Tas-Sliema – fejn inħass sew is-sens ta’ luttu li għadu evidenti fost il-Pollakki li jgħixu f’pajjiżna.

Fuq barra, kien hemm il-vetturi tat-timijiet ta’ emerġenza li ħadmu bla waqfien din il-ġimgħa waqt it-tfittxija għal Oliwia. Il-vetturi, kienu kollha immarkati b’faxxa jew ċoff lewn roża – simbolu ta’ din it-tfajla li mietet traġikament, u simbolu wkoll tal-ġakketta li kienet instabet fil-baħar.

Il-quddies tmexxiet mir-Reverendu Robert Chrzascz, Delegat tal-Konferenza Episkopali Pollakka.

Din it-traġedja seħħet it-Tnejn filgħaxija meta l-mewġ għoli ġarr lit-tifla, lil missierha u lit-tifel l-eiħor tiegħu minn fuq il-moll; bil-konsegwenza li t-tifla spiċċat inġarret bil-baħar.