Lokali

Il-Mexxej Laburista jagħżel li jinjora l-kriżijiet li qajjem hu stess f’temp ta’ ġimgħa

Fil-ġimgħa li spiċċa rriżenja l-Ministru tal-Housing Roderick Galdes, fil-ġimgħa li ħarġet ċara l-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista b’rabta mat-temi ġeopolitiċi, u ftit tal-jiem biss wara li ħabbar li l-għażla tiegħu għal Prim’Imħallef hija l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, minkejja li għadhom għaddejjin it-taħdidiet – Robert Abela għażel li ma jindirizza assolutament xejn minn dan.

Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu l-Mexxej Laburista, flok indirizza dawn it-temi pjuttost jaħarqu u li b’mod normali jqajmu numru ta’ mistoqsijiet leġittimi fejn diversi nies stennew li se jkun qiegħed jindirizza, kemm bħala Mexxej tal-Partit li qamu fih dawn it-turbolenzi f’temp ta’ ftit jiem, kif ukoll bħala Prim Ministru – għażel li jaħrab kompletament dawn it-temi ta’ interess nazzjonali.

Fl-attività politika tal-Ħadd filgħodu, Robert Abela ħa sehem f’diskussjoni ma’ numru ta’ tfal li qasmu t-tħassib, l-opinjoni u l-fehma tagħhom dwar il-ħajja tagħhom fl-iskola, u r-relazzjoni li għandhom mal-isport.

Matul din l-attività, Robert Abela ħabbar li l-Gvern qiegħed jikkunsidra jekk l-istudenti għandhomx jieħdu magħhom il-mobile l-iskola jew le, fejn insista li din l-idea qed tiġi diskussa.

Filwaqt li f’pajjiżi bħal l-Awstralja l-midja soċjali ġiet projbita għal persuni ta’ taħt is-16-il sena, il-Mexxej Laburista sostna li l-Gvern mhux qed jikkunsidra li jiprojbbixxiha b’mod totali, għaliex skont Abela din mhux se tinzel tajjeb man-nies.

Fuq livell Ewropew, diversi Membri Parlamentari Ewropej qed jipproponu li l-użu tal-media soċjali għandha tiġi pprojbita lil dawk li għandhom taħt is-16-il sena, la darba mhux bil-kunsens tal-ġenituri.

Minn naħa tiegħu Robert Abela qed jisħaq li jrid isib bilanċ, u li qed tiġi diskussa l-idea li mhux kull pjattaforma tiġi pprojbita, filwaqt li saħaq li għad iridu jaraw kif se jduru magħha.

Dan ifisser li b’rabta mal-użu tal-midja soċjali l-pożizzjoni tiegħu u tal-Gvern għadha ma hi ċara xejn.

Intant, fost oħrajn l-użu ta’ Facebook, Instagram, TikTok u Whatsapp preżentament legalment jista’ jintuża minn tfal ta’ 13-il sena ‘il fuq.