Opinjoni

Opinjoni: IL-VIŻJONI PN: Aspirazzjoni li tista’ tintlaħaq u tissarraf f’ġid u f’suċċess

Diskors ta’ tama u kuraġġ... imma aktar minn hekk messaġġ qawwi ta’ lil fejn il-PN fil-gvern irid jieħu lil Malta u lil Għawdex... lejn is-suċċess, is-serħan tal-moħħ u kwalità

Alex Borg
Kap
tal-Partit Nazzjonalista

Hu inaċċettabbli wkoll li jekk il-konsumaturi ma jindunawx li mill-kont tagħhom ma tnaqqsitx l-Eko-riduzzjoni huma u jmorru għand l-ARMS, dawn ma jiġux infurmati li qed jitilfu dan il-benefiċċju u jispiċċaw iħallsu aktar.
Il-Ministru Miriam Dalli ħatret in-nies fit-tmexxija tal-ARMS, li qegħdin hemm għax igawdu l-fiduċja tagħha, u allura għandha r-responsabbiltà ta’ din il-froġa u jekk għandha farka rispett lejn il-konsumaturi, trid twieġeb il-mistoqsijiet li qed isiru.
Dak li jiġri meta l-kejl u l-kriterju ta’ pożizzjoni fl-entitajiet tal-Gvern ikun il-kulur politiku u mhux il-mertu jew il-kompetenza. Li joħloq inġustizzja u agħar minn hekk isiru l-frejjeġ u ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà.
Bħala PN qed nitolbu li din it-taħwida fl-ARMS tiġi investigata mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur u mir-Regolatur.
U nwiegħed ladarba fil-Gvern jekk din l-inġustizzja ma tissolviex se nkunu aħna li nroddu kull ċenteżmu li nsteraq u li bih ma ġie mgħarraf ħadd u li kieku ma kienx għall-PN ħafna nies ma kinux jindunaw.

Komunitajiet b’saħħithom
Se naħdmu wkoll biex ikollna komunitajiet b’saħħitom; komunitajiet li fihom ikollok is-serħan il-moħħ.
Sfortunatament għandna Gvern li qed jitfa’ piżijiet dejjem akbar fuq il-poplu, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa.
Ir-rapport State Of Health In The EU: Malta – Country Health Profile 2025 li ħareġ f’Diċembru li għadda juri kif fost l-Ewropej, il-Maltin huma t-tieni l-aktar poplu li jonfoq flus fil-mediċini.
Dan ir-rapport jgħid li l-Maltin qed jonfqu minn bwiethom medja ta’ €650 kull wieħed fis-sena. Huma biss il-Ġermaniżi li jonfqu aktar minna.
Tafu x’inhi? Id-differenza hi li l-paga medja fil-Ġermanja hi madwar €5,300 filwaqt li f’Malta hi ta’ €2,500 u l-pensjoni medja fil-Ġermanja hi ta’ €1,600 fix-xahar mentri f’Malta hi €1,200.
In-numru kbir ta’ mediċini out-of-stock mill-formularju qed ifisser li ħafna – inkluż bosta anzjani, pensjonanti u persuni vulnerabbli – qed ikollhom joħorġu minn bwiethom il-mijiet ta’ ewro għall-mediċini li għandhom bżonn.
Dan apparti ż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini grazzi għall-miżuri u t-tariffi ġodda li daħħal bil-moħbi l-Gvern u li ma ssemmew imkien fil- “baġit bla taxxi” li ppreżenta l-Gvern tliet xhur ilu.
Il-PL kien ħalef li mill-gvern kien se jaqta’ l-mediċini out-of-stock u ma’ kull ċans li kien ikollu kien jitkellem dwar il-prezzijiet tal-mediċini Illum qed iħalli lill-pazjenti jfendu għal rashom.
Hekk ġara bil-mediċina ta’ prevenzjoni tal-HIV, il-PrEP, li bħalissa mhix disponibbli f’Malta, lanqas bi ħlas.
Il-Gvern mhux biss falla milli jwettaq il-wegħda tiegħu li jintroduċi l-PrEP b’xejn, iżda issa ħalla wkoll l-istocks ta’ mediċini jiskadu mingħajr ma ġew sostitwiti, u dawk li għandhom bżonn din il-mediċini spiċċaw b’xejn.
Issa, Robert Abela stenbaħ u wara l-kritika li skada l-istock ta’ din il-pillola kontra l-HIV, ħabbrilna li se jibda jwettaq din il-wegħda li kienet fil-manifest elettorali tal-Labour erba’ snin ilu.

Gvern li jirrispettak
L-Istat jeżisti biex jaqdi liċ-ċittadin u mhux bil-maqlub.
Il-governanza u kif jitmexxa l-pajjiż jrid ikun mibni fuq ir-rispett lejn il-persuna, it-trasparenza fil-proċessi, il-kontabbiltà fid-deċiżjonijiet u l-ugwaljanza quddiem il-liġi, fid-dritt u fil-fatt.

Gvern li jirrispetta l-intelligenza tiegħek
Bħala Partit nemmnu li gvern serju jieħu d-deċiżjonijiet b’mod miftuħ, jispjega l-għażliet tiegħu, jinvolvi lin-nies u jżomm kont ta’ dak li jagħmel. Ir-regoli għandhom japplikaw b’mod ugwali għal kulħadd, u l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti, professjonali u effiċjenti, sabiex iċ-ċittadin ikun jista’ jafda fihom mingħajr biża’ jew dubju.
Fuq kollox, kull persuna għandha ssib fl-Istat sostenn reali biex tgħix b’mod dinjituż, speċjalment fi żminijiet ta’ sfida jew vulnerabbiltà. Gvern li jirrispetta lin-nies hu gvern li jisma’ u jaħdem bil-fatti u li jmexxi b’sens ta’ servizz u responsabbiltà.
Din hi l-pedament ta’ Malta li timxi ’l quddiem.

Sitwazzjoni internazzjonali
Qed ngħixu fi żminijiet mhux normali, qed naraw ir-rispett bejn pajjiżi li kienu ħbieb jinbidel f’antagoniżmu. Dikjarazzjonijiet li ma jagħmlu ġid lil ħadd. Theddid fuq territorji, invażjonijiet madwar id-dinja u tensjonijiet diplomatiċi.
Bħala pajjiż ma nistgħux ma niddefendux l-integrità ta’ pajjiżna, b’mod partikolari lil pajjiżi Ewropej bħalna.
Dak li għamilt fil-jiem li għaddew meta tlabt lill-membri tal-Oppożizzjoni biex iressqu mozzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin biex nitolbu li l-Kumitat jaqbel fuq dikjarazzjoni li ħadd ma għandu għajr il-poplu ta’ Greenland li jiddeciedi l-futur tiegħu.
Dwar dan il-Gvern fil-Kumitat ma qabilx. Tiskanta mbagħad li ġimgħa wara laqgħa fi Brussell joħroġ jgħid eżattament dak li qalet l-Oppożizzjoni.
Jidher ċar li Gvern Laburista irid jimxi bil-politika tal-inkejja u mhux ta’ viżjoni. Politika li tfittex li żżomm is-siġġu tal-poter u mhux li tpoġġi lin-nies l-ewwel.

Konklużjoni
Bla dubju ta’ xejn ninsabu f’sitwazzjoni fejn għandna gvern li qed jmexxi bi stil ta’ management by crisis.
Dan il-Gvern kien tela’ b’ħolma li jagħtina “Malta Tagħna lkoll” imma llum dik il-ħolma żvintat għax dik il-ħolma għosfrot.
Wegħduna “L-Aqwa Żmien” iżda minflok ninsabu ngħixu f’pajjiż li qed jistaqsi fejn se mmorru? Se jibqa’ jkollna Malta kif nafuha? Malta li tgħix fiha?
Aħna rridu nkunu l-Partit li nerġgħu nagħtu l-ħolma lil dan il-poplu. Aħna rridu nkunu dak il-Partit li lil dan il-poplu nagħtuh it-tama; intuh il-ħin għalih.
Irridu ngħixu f’pajjiż li jilqgħek. Pajjiż fejn tapprezza l-ħin mal-familja. Dak is-sens ta’ komunità mhux il-ġenn tat-traffiku, mhux il-ġenn ta’ populazzjoni bi tkabbir bla kontroll u bla rażan. Iva aħna lesti li nerġgħu nagħtuk dik il-ħolma li nafu kif nwettquha.
Temmnuhomx meta jgħidulkom li l-politiċi kollha l-istess. Jien mhux perfett. L-anqas mhu l-PN, imma filwaqt li ħaddieħor għaddej mifni bi skandlu wara l-ieħor, aħna erġajna ftaħna l-bibien tagħna u flimkien qed nibnu l-politika tal-PN.
Politika li int tkun fiċ-ċentru tagħha… flimkien qed infasslu l-politika li int tixtieq. Politika li ma tibqax biss kliem sabiħ imma tagħtik ħajja li fiha tgħix sew u tajjeb.
Il-PN dejjem kien preżenti kull meta pajjiżna sejħilna. Dan hu l-mument tagħna li nagħtu lil Malta tama ġdida fejn Malta timxi ’l quddiem fil-paċi u l-prosperità.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Far, 2026.