Lokali

13-IL SENA, 13-IL RIŻENJA : Ir-riżenji li ħakmu lil-Labour fil-Gvern

Joseph Muscat. Godfrey Farrugia. Franco Mercieca. Manuel Mallia. Michael Falzon. Konrad Mizzi. Justyne Caruana. Rosianne Cutajar. Chris Cardona. Chris Fearne. Silvio Grixti. Clayton Bartolo u Roderick Galdes.

Huma dawn it-13-il riżenja li mmarkaw il-Gvern tal-Labour mill-2013 ‘l hawn – riżenji marbutin ma’ skandli serji; b’numru minnhom saħanistra jinsabu quddiem il-Qorti Kriminali.

Fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, mal-ewwel kien hemm is-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca, illi xeħet ir-reżenja tiegħu. Issegwi, sena wara, kien hemm is-saga ta’ Manuel Mallia – wara l-isparatura tax-xufier tiegħu.

Imbagħad l-2016, irriżenja l-Ministru Michael Falzon, li dak iż-żmien kien Segretarju Parlamentari, fuq il-każ ta’ Strada Zekka.

Is-sena 2016 u s-snin ta’ wara kienu fost l-aktar turbolenti għal pajjiżna. Il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, id-deal ma’ Vitals u Steward u l-Panama Papers fost l-oħrajn.

Infatti, fl-2019, waslet l-aktar riżenja mistennija – cioè dik ta’ Konrad Mizzi, li sa mill-2016 kien issemma’ f’numru ta’ skandli.

Għalkemm l-akbar riżenja fl-istorja ta’ pajjiżna tibqa’ dik ta’ Joseph Muscat; li spiċċa kellu jwarrab wara protesti kbar fit-toroq fl-eqqel tal-kriżi politika tal-2019.

Fl-istess perijodu, kien mess lil Chris Cardona – li spiċċa kellu jwarrab anke minn Deputat Mexxej tal-Labour.

Fis-snin ta’ wara kienu dak iż-żmien il-Ministru għal Gawdex Justyne Caruana u anke s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li kienu sfurzati jirreżenjaw. Fuq Caruana kien żvelat illi r-raġel tagħha – l-Eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta kellu relazzjonijiet mill-aktar qrib ta’ Yorgen Fenech, in-negozjant implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ftit wara, anke nstab li kienet tat kuntratt ta’ eluf ta’ ewro lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic f’impjieg li hu ma kienx ikkwalifikat għalih.

Minn naħa tagħha, Rosianne Cutajar kienet sfurzata tirreżenja wara li kienu ppubblikati chats bejna u bejn in-negozjant Yorgen Fenech, fejn fost l-oħrajn kien hemm anke l-messaġġ li Cutajar bagħtet lil Fenech fejn ikkonfermat li fil-Labour “kulħadd jintħanżer” – botta mhux daqstant sottili għall-kollegi tagħha.

Il-Gvern kien anke ddominat minn skandlu ieħor fejn jidħlu l-benefiċċji soċjali, bil-persuna f’nofs dan kollu ikun il-backbencher Laburista Silvio Grixti. Anke hu kellu jwarrab.

Ftit wara, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kellu jirreżenja, hekk kif hu jinsab akkużat kriminalment fil-każ tad-deal tat-tliet sptarijiet.

L-aħħar żewġ Ministri li rreżenjaw kienu Clayton Bartolo u Roderick Galdes. Bartolo kellu jirreżenja wara li nstab li kiser l-etika meta impjega lil Amanda Muscat – li dak iż-żmien kienet is-sieħba tiegħu – bħala konsulent.

Minn naħa tiegħu, Roderick Galdes kellu allegazzjonijiet serji li bdew mill-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi; li implikatu f’kunflitt ta’ interess man-negozjanti.

Intant, minkejja dawn ir-riżenji, Chris Cardona, Justyne Caruana, Rosianne Cutajar u anke Michael Falzon sabu ruħhom lura fil-Labour.

Falzon baqa’ jsaddad fil-Kabinett… Cutajar għadha qed tipponta… filwaqt li Chris Cardona u Justyne Caruana qed jingħataw l-eluf ta’ ewro f’konsulenzi.