Lokali

Bla risposta dwar meta se jiddiskuti mal-Kap tal-PN rigward il-ħatra ta’ Prim Imħallef

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma sabx data u ħin biex jiltaqa’ mal-Kap tal-Partit Oppożizzjoni ħalli ż-żewġ naħat jiddiskutu l-ħatra tal-Prim Imħallef. Dan ħareġ mit-tweġibiet – jew in-nuqqas ta’ tweġibiet – li tana t-Tnejn filgħodu Robert Abela innifsu.

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti li bħalissa jokkupa dan l-irwol mistenni jirtira din il-ġimgħa stess; però xorta waħda jidher li din il-ħatra mhix prijorità għall-Prim Ministru, minkejja l-urġenza ta’ din is-sitwazzjoni. Tant li minflok jidjaloga, qed ikompli jkaxkar saqajh.

Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk pjanax ġurnata meta lest ikompli bid-diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni rigward il-Prim Imħallef, u jekk hux se jaċetta din l-istedina li għamillu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Iżda minflok wieġeb, infexx jattakka lill-Oppożizzjoni. U xorta baqa’ ma tax risposta.

Issa għaddew tliet ijiem minn meta Alex Borg għamel stedina pubblika lill-Prim Ministru biex fi spirtu ta’ rġulija u kunfidenzjalità jkomplu jiddiskutu b’mod serju, riservat u kostruttiv dwar min għandu jimla din il-kariga tant importanti fil-Qrati Maltin.

Però, il-Prim Ministru għadu qed iwebbes rasu u mhux jaċċetta l-istedina li saritlu fuq din il-kwistjoni daqstant importanti.

Fl-aħħar ġimgħat, anka l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono tkelmet dwar l-importanza ta’ din il-ħatra u saħqet li dan l-irwol ta’ Prim Imħallef mgħandux ikollu familjaritajiet ‘l hemm u l-hawn.