Lokali Qorti

L-intervent leġiżlattiv tal-artijiet “fiċ-Ċens” fin-Nadur kienet miżura proporzjonata fl-interess ġenerali

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjnonali tagħha ddeċidiet li l-intervent leġiżlattiv tal-Gvern li wassal għad-dereġistrazzjoni ta’ mheded kbar ta’ art fin-Nadur kien wieħed proporzjonat u ġġustifikat fl-interess ġenerali, minkejja li mill-provi fil-kawża rriżulta li kien hemm pressjoni politika fuq ir-Reġistru tal-Artijiet.

F’sentenza mogħtija, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha mressqa mill-Abbazija di Sant’ Antonio delli Navarra kontra l-Avukat tal-Istat, il-Ministru għall-Artijiet u r-Reġistratur tal-Artijiet, u sabet li ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Abbazija.

Għaldaqstant kienet ikkonfermata id-deċiżjoni tal-Prim’Istanza u ċaħdet rikors li kien tressaq mill-Benefiċċju Lajkali Abbazia di Sant’ Antonio delli Navarra dwar id-dereġistrazzjoni ta’ titoli ta’ art fiz-zona magħrufa bħala ċ-Ċens tan-Nadur, u ddeċidiet li l-intervent leġiżlattiv tal-Istat ma kisirx id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri.

Il-kawża kienet tikkonċerna żewġ mjeded kbar ta’ art fin-Nadur, magħrufa bħala “Iċ-Ċens tan-Nadur”, li jkejlu madwar 13,465 metru kwadru u 12,580 metru kwadru rispettivament. Fl-2020, wara li z-zona tan-Nadur ġiet iddikjarata bħala waħda ta’ reġistrazzjoni obbligatorja, l-Abbazija, rappreżentata mir-Rettur tagħha Patrick Valentino, li dan l-aħħar inħatar Maġistrat, kienet irreġistrat b’suċċess dawn l-artijiet f’isimha. Ir-reġistrazzjoni kienet ibbażata fuq att ta’ fondazzjoni tal-1675 miktub bil-Latin kif ukoll fuq kuntratt ieħor iffirmat fl-2017.

Din ir-reġistrazzjoni qanqlet reazzjoni qawwija fost ir-residenti li kienu jokkupaw l-artijiet, li skont l-Abbazija stess wasslet għal “pandemonju” u kampanja fil-midja. Ir-Reġistratur tal-Artijiet, Claude Sapiano, xehed li s-sitwazzjoni “splodiet” tant li f’ċerti jiem kien hemm sa mitt persuna miġbura barra l-uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet f’Għawdex biex jipprotestaw dwar il-ġustizzja tar-reġistrazzjonijiet.

Matul il-proċeduri ħarġu wkoll allegazzjonijiet serji ta’ interferenza politika. Sapiano qal lill-Qorti li rċieva telefonati mill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u li kellu laqgħat mas-Segretarju Parlamentari ta’ dak iż-żmien, Alex Muscat. Huwa stqarr li f’dawn il-laqgħat issemmiet il-kelma “frodi”, iżda dejjem bħala kunċett astratt u qatt ma ġiet ippreżentata lilu ebda prova ta’ attività kriminali.

Skont ix-xhieda tiegħu, is-superjuri tiegħu kienu qed jistennewh “isolvi l-problema u jneħħi r-reġistrazzjoni”, iżda hu insista li jimxi skont il-proċedura normali. Sapiano ammetta wkoll li l-Artikolu 16B tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet, li ta s-setgħa lill-Ministru jikkanċella ordnijiet ta’ reġistrazzjoni, ġie introdott bħala “riperkussjoni ta’ dak li ġara fin-Nadur”.

Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Marlin Vella, l-Eks Assistent Reġistratur f’Għawdex li kien approva oriġinarjament l-applikazzjonijiet tal-Abbazija. Vella qal li kien ġie ppersegwitat u mmirat minn politiċi fuq il-midja soċjali, fosthom Chris Said, u li eventwalment ġie trasferit Malta taħt il-pretest ta’ “esiġenzi tas-servizz”. Aktar ’il quddiem huwa rriżenja. Is-Supretendent Hubert Cini kkonferma li għadha miftuħa investigazzjoni tal-Pulizija dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-artijiet u dwar ir-rwol ta’ Vella.

Fil-mertu tal-kawża, l-Abbazija argumentat li l-introduzzjoni tal-Artikolu 16B fl-2021 u l-Avviż Legali 73 tal-2022 kienu att leġiżlattiv arbitrarju u mmirat biex jiffavorixxi individwi privati għal raġunijiet politiċi, anke fid-dawl ta’ elezzjoni ġenerali imminenti. Madankollu, il-Qorti qieset li l-Abbazija kienet għadha ma kisbitx titolu garantit fuq l-artijiet, peress li l-liġi tirrikjedi perjodu ta’ 10 snin mingħajr sfidi sabiex titolu rreġistrat isir wieħed definittiv.

Il-Qorti nnutat ukoll li diversi residenti kienu diġà intavolaw kawzi kontra t-titolu tal-Abbazija, li fi kwalunkwe każ kienu jwaqqfu t-tħaddim ta’ dan il-perjodu 10 snin. Fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà kif protett mill-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti ddeċidiet li d-dereġistrazzjoni kellha għan leġittimu fl-interess ġenerali.

Miżura maħsuba biex tipproteġi l-interessi tad-djar fiz-zona

Is-sentenza tgħid li l-miżura kienet maħsuba wkoll biex tipproteġi l-interessi u d-djar tar-residenti fiz-zona indikata, sabiex id-drittijiet ta’ dawk kollha involuti, u mhux biss tal-Abbazija, jiġu eżaminati u deċiżi mill-qrati u mhux permezz ta’ sempliċi reġistrazzjoni amministrattiva. Skont il-Qorti, il-bilanċ ġust bejn id-drittijiet individwali u l-ħtiġijiet tal-komunità nżamm, peress li l-Abbazija tibqa’ libera li tipprova t-titolu tagħha permezz ta’ proċeduri ċivili ordinarji, bħall-actio rei vindicatoria.

Il-Qorti ċaħdet ukoll l-ilmenti dwar ksur tad-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6, billi qalet li d-dereġistrazzjoni amministrattiva ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni finali dwar drittijiet ċivili. It-talbiet ta’ diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 14 ġew miċħuda wkoll, peress li ma ġiet ippreżentata ebda prova li l-miżura kienet tapplika b’mod differenti għal persuni f’sitwazzjonijiet simili, u l-liġi kienet taffettwa lil kull min irreġistra art fiz-zoni affettwati.

Fl-aħħar nett, il-Qorti kkonkludiet li l-bilanċ bejn l-interess ġenerali tal-komunità u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali individwali ma ġiex miksur, u għaldaqstant ċaħdet it-talbiet kollha tal-Abbazija, inkluż it-talba biex l-Artikolu 16B jiġi ddikjarat null u biex it-titoli jitniżżlu mill-ġdid fir-Reġistru tal-Artijiet.

Il-Qorti ċaħdet ukoll l-ilmenti dwar ksur tad-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6, billi qalet li d-dereġistrazzjoni amministrattiva ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni finali dwar drittijiet ċivili. It-talbiet ta’ diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 14 ġew miċħuda wkoll, peress li ma ġiet ippreżentata ebda prova li l-miżura kienet tapplika b’mod differenti għal persuni f’sitwazzjonijiet simili, u l-liġi kienet taffettwa lil kull min irreġistra art fiz-zoni affettwati.

Il-Qorti ċaħdet ukoll l-ilment li r-rikorrent tħalla mingħajr rimedju effettiv, billi nnutat li huwa għad għandu d-dritt li jiftaħ proċeduri ċivili kontra min jippretendi titolu fuq l-artijiet inkwistjoni jew li jiddefendi ruħu jekk jinfetħu kawżi kontrih. Skont il-Qorti, il-fatt li dawn il-proċeduri jistgħu jkunu kumplessi jew onerużi ma jfissirx li hemm ksur ta’ drittijiet fundamentali.

B’dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet li ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet invokati mir-rikorrent, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Prim’Istanza u imponiet l-ispejjeż kollha tal-kawża fuq ir-rikorrent, u b’hekk għalqet kapitlu legali ieħor f’waħda mill-aktar kontroversji dwar artijiet f’Għawdex tal-aħħar snin.