Lokali Qorti

Il-Qorti tikkonferma s-supremazija tal-Kostituzzjoni f’każ imressaq mill-AD+PD dwar ir-rappreżentanza fil-Parlament

Il-Qorti Kostituzzjonali f’Malta ddeċidiet li l-appell tal-partit AD + PD u tal-kandidati tiegħu dwar diskriminazzjoni fl-elezzjonijiet f’Malta fil-konfront tagħhom kien infondat u ma jistax jintlaqa’. Il-Qorti kkonfermat li l-Kostituzzjoni Maltija hija suprema fuq kwalunkwe liġi oħra.

Il-każ fil-Qorti involva lil Sandra Gauci, Carmel Cacopardo u Ralph Cassar, kandidati tal-partit AD + PD, li appellaw kontra deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili dwar il-proċeduri elettorali u l-mekkaniżmi korrettivi li jagħtu siġġijiet addizzjonali għall-inqas rappreżentati fil-Parlament.

Il-Qorti rrikonoxxiet li r-rikorrenti ma setgħux jieħdu l-proċedura f’ismhom proprju jekk ma kinux awtorizzati bħala rappreżentanti tal-partit, u għaldaqstant ma kellhomx dritt li jippretendu li l-Qorti tieħu konsiderazzjoni tal-interessi tagħhom bħala fundament validu għall-proċess.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, kienet korretta li ċaħdet it-talbiet tagħhom u sabet li l-artikoli 52 u 52A tal-Kostituzzjoni ma jikkontradixxux drittijiet fundamentali u huma leġittimi. L-Avukat tal-Istat u l-Kummissjoni Elettorali argumentaw li l-artikoli tal-Kostituzzjoni huma validi u leġittimi, u li l-Kostituzzjoni nnifisha ma tistax tikkontradixxi ruħha.

L-Imħallfin sostnew li l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma japplikawx direttament biex jaffettwaw provvedimenti Kostituzzjonali bħal dawn, u li l-mekkaniżmi korrettivi huma mfassla biex jassiguraw rappreżentanza ġusta bejn il-partiti li kisbu siġġijiet fil-Parlament.

L-appell kien imressaq minn Sandra Gauci, Ralph Cassar, u Carmel Cacopardo f’isimhom propju u bħala kandidati tal-partit politiku AD + PD. Huma qalu li kienu kkontestaw l-Elezzjonijiet Nazzjonali fl-1992, 1996, 1998, 2003, 2008, 2013, 2017 u li bħala AD + PD ikkontestat l-elezzjonijiet ta’ Marzu tas-sena 2022 u ppreżentaw 10 kandidati u għoxrin kandidatura, għax ħarġu fuq żewġ distretti.

Huma kkontestaw ukoll l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2004, 2009, 2014 u fl-2019. Qalu li fl-2022, il-voti ngħaddu taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni Elettorali tul il-jum tal-Ħadd 27 ta’ Marzu 2022. Kmieni wara nofsinhar tat-Tnejn 28 ta’ Marzu 2022 kien imħabbar li r-riżultat elettorali kien aġġustat billi mal-lista tal-membri eletti żdiedu tnejn oħra mil-lista elettorali ippreżentata mill-PN.

Din iż-żieda saret wara li sar l-aġġustament għall-proporzjonalità bejn il-voti miksuba mill-partiti fl-ewwel għadd tal-voti u s-siġġijiet parlamentari miksuba u dan skont kif tipprovdi l-Kostituzzjoni u r-regolamenti elettorali. Ir-riżultat elettorali kien ippubblikat nhar it-Tnejn 28 ta’ Marzu 2022.

Mill-atti jirriżulta li r-rikorrenti Ralph Cassar ġab 510 voti mal-ewwel għadd. Il-kwota distrettwali għas-seba’ distrett kienet dik ta’ 3,927. Ir-rikorrenti Sandra Gauci ġabet 320 vot u l-kwota distrettwali tas-sitt
distrett kienet ta’ 3,881. Carmel Cacopardo ġab 334 vot u l-kwota distrettwali tad-disa’ distrett kienet ta’ 3,538.

Jirriżulta li fl-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu 2022, kienu biss il-kandidati tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista li kisbu l-kwota distrettwali. Peress li n-numru ta’ Membri Parlamentari tas-sess l-inqas
rappreżentat kien inqas minn erbgħin fil-mija (40%) tal-membri kollha tal-Parlament, daħal ukoll fis-seħħ l-Artikolu 52A tal-Kostituzzjoni, u ċioè il-mekkaniżmu korrettiv li permezz tiegħu jingħataw siġġijiet addizzjonali għas-sess l-inqas rappreżentat.

B’hekk in-numru tal-Membri tal-Parlament żdied bi 12-il membru tas-sess l-inqas rappreżentat. B’hekk
sitt nisa oħra f’isem il-Partit Laburista u sitt nisa oħra f’isem il-Partit Nazzjonalista ngħataw siġġu fil-Parlament.

Permezz ta’ rikors intavolat nhar is-27 ta’ Ottubru 2022, quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), il-partit AD+PD sostna li meta fit-28 ta’ Marzu 2022, tħabbret li mal-lista ta’ kandidati eletti tal-Partit Nazzjonalista kienu ser jiżdiedu żewġ persuni ai termini tal-iskeda numru 13 tal-Kap 354 tal-Liġijiet ta’ Malta, ġew injorati kompletament il-voti miksuba mill-Partit AD+PD li kienu jammontaw 4,74) vot, liema ammont jeċċedi l-kwota nazzjonali.

Huma argumentaw li ġew injorati l-voti miksuba mill-partit AD+PD u li dan żvaluta l-proċess demokratiku u dan għax uħud mill-voti (dawk miksubin mill-kandidati tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista) qed jingħataw valur billi jittieħdu in konsiderazzjoni u dawk tal-AD+PD qed ikunu skartati kompletament.

Żiedu wkoll li l-mekkaniżmi korrettivi jkomplu jżidu l-problema ta’ rappreżentanza parlamentari billi jżidu biss membri parlamentari lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista. Il-partit AD+PD jsostni li dan jammonta għal diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu, diskriminazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 52 tal-Kostituzzjoni, għaliex il-mekkaniżmu korrettiv japplika biss f’każ li jkun hemm żewġ partiti fil-Parlament u għalhekk ixejjen id-dritt tal-espressjoni ħielsa tal-votanti.

Ilmentaw li hu diskriminatorju li s-siġġijiet addizzjonali jingħataw biss lill-PL u PN

Oltrè minn hekk, huma lmentaw mill-effett diskriminatorju tal-Artikolu 52A tal-Kostituzzjoni li jipprovdi għall-mekkaniżmu li permezz tiegħu jingħataw siġġijiet addizzjonali fil-Parlament u jidħol fis-seħħ biss jekk jiġu eletti kandidati ta’ żewġ partiti u mhux f’każ ta’ iktar partiti.

Sostnew għalhekk li dan il-provvediment huwa wieħed diskriminatorju fil-konfront tagħhom u individwi oħra membri tal-Partit għax jillimita u jirrestrinġi l-inċentivi ta’ siġġijiet addizzjonali biss għal dawk ta’ kandidati assoċjati mal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Jikkontendu għalhekk li dan il-mekkaniżmu
qiegħed jilledi d-drittijiet ta’ elezzjoni ħielsa u d-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni.

Madankollu l-Qorti sabet li l-Kostituzzjoni mhix possibbli li tkun kontradittorja għar-ruħha u li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet korretta meta ċaħdet it-talbiet. Il-Qorti qalet li l-ispejjeż tal-appell għandu jitħallas mir-rikorrenti.

Ingħad ukoll li l-każ jistabbilixxi li l-artikoli tal-Kostituzzjoni li jistabbilixxu mekaniżmi korrettivi għall-elezzjonijiet huma validi u ma jistgħux jitqiesu bħala diskriminatorji kontra partiti politiċi, u li l-Qorti Kostituzzjonali għandha rwol limitat fil-kontroll tal-kostituzzjonalità ta’ dawn l-artikoli.

Ingħad ukoll illi li kieku kellu jsir eżami dwar jekk l-artikoli inkwistjoni jilledux id-drittijiet fundamentali tal-appellanti, il-Qorti Ewropea tagħti marġini wiesa’ ta’ apprezzament lill-istati rigward is-sistemi politiċi
tagħhom.

Il-Kummissjoni Elettorali wkoll wieġbet għal dan l-aggravju u affermat li l-Kostituzzjoni hija eskluża espressament mill-applikazzjoni tal-Kap 319. Huwa evidenti li l-Kostituzzjoni mhix sottomessa għall-Konvenzjoni tant li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija parallela.

Dan ifisser li l-liġi li tagħmel il-Konvenzjoni bħala parti mil-liġi ta’ Malta tgħid espressament li ebda dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ma tista’ titqies li tmur kontra l-Konvenzjoni. Fi kliem ieħor, l-Att dwar il Konvenzjoni Ewropea nnifsu jeskludi l-applikabilità ta’ dan l-Att għallKostituzzjoni. Dan allura jfisser li l-ilment tal-partit rikorrenti u r-rikorrenti l-oħra ma jistax jiġi mistħarreġ mil-lenti tal-Kapitolu 319 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Għalhekk din il-Qorti tabbraċja l-konklużjoni raġġunta mill-Ewwel Qorti billi huwa ċar li l-ilment tal-appellanti li l-Artikoli 52 u 52A talKostituzzjoni huma leżivi tad-drittijiet fundamentali tagħhom hekk sanċiti permezz tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea huwa improponibbli.

Fil-prattika, din id-deċiżjoni tqis il-Kostituzzjoni Maltija bħala gwida suprema li tappoġġja ġustizzja vera u ekwa fil-ġudikatura, u li tagħti ċarezza dwar kif għandhom jiġu interpretati d-drittijiet fundamentali u l-mekkaniżmi elettorali, anke f’każi kumplessi bħal dawk relatati ma’ rappreżentanza parlamentari u proċeduri elettorali. Is-sentenza ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.