Lokali Saħħa

KONFERMATA: Hemm prezzijiet ta’ mediċini li splodew bit-tripplu

Analiżi indipendenti li saret mill-ġurnal MaltaToday tikkonferma l-istorja li ħareġ Net News il-ġimgħa li għaddiet dwar il-prezzijiet tal-mediċini. Dan hekk kif diversi pilloli u prodotti mediċinali għolew fil-prezz b’mod eżorbitanti.

U minkejja li l-propaganda tas-Super One pprovat timplika li din kienet xi fake news – għall-familji, għall-anzjani u għall-pazjenti, din qed tkun ir-realtà tagħhom ta’ kuljum.

L-analiżi tal-MaltaToday turi li hemm għexieren ta’ mediċini li żdiedu fil-prezz u li f’xi każijiet il-prezzijiet saħansitra tripplaw.

Mill-Buscopan sas-Sudocrem, bosta huma l-prodotti li l-prezz tagħhom sploda. Anke l-Flarex li huma taqtir tal-għajnejn u l-Otosporin li huma taqtir għall-widnejn – ukoll għolew fil-prezz. B’dan tal-aħħar ikollu żieda ta’ 200% – minn €4.61 issa sar jiswa €13.95.

Żidiet oħra ġew innutati fi prodotti bħalma huma l-Anthisan cream u l-pilloli Septrin Forte.

Anke kaxxa panadols tat-48 għoliet fil-prezz.

Intant, jidher li l-Gvern qed jibqa’ jinjora dawn ir-realtajiet u mhu jagħmel xejn biex jindirizza din id-daqqa tal-prezzijiet mediċinali.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri minn naħa tiegħu appella biex ikun hemm intervent immedjat ħalli tirritorna stabbiltà fil-prezzijiet tal-prodotti li jinxtraw mill-ispiżeriji.