Lokali

“Sistema tal-ġustizzja mkissra” – Oħt Chantelle Chetcuti

Uħud jaraw progress – jien nara falliment u sistema tal-ġustizzja mkissra.

Kien dan is-sentiment espress minn Stacey Camilleri, oħt Chantelle Chetcuti, sitt snin wara l-qtil tagħha – fejn esprimiet rabja għall-fatt li f’dawn is-snin kollha hi u l-familja tagħha kienu f’limbu. Filwaqt li r-raġel li ammetta l-qtil ta’ oħtha ngħata l-bail.

Hija stqarret li tista’ tgħid li d-data tal-ġuri dalwaqt issir magħrufa. Però, saħqet li din id-data missha ilha magħrufa – u filwaqt li hemm  minn dan isejjaħlu progress, għaliha dan huwa falliment.

Spjegat li anka meta l-każ jinqata’ xorta waħda s-sistema tal-ġustizzja taf tkun għadha mkissra. U dan għaliex is-sistema ilha mkissra wisq.

Fuq il-paġna tagħha ta’ facebook hi spjegat u staqsiet kemm-il,darba lil dawk li għandhom il-poter jekk sistema tal-ġustizzja li għandha daqsekk dewmien tistax verament tissejjaħ ġustizzja. B’oħt il-vittma tgħid li sa issa għadha bla risposta.

Oħt Chantelle sjegat li dan id-dewmien sar in-norma u dan ifisser li għall-familji tal-vittmi s-sistema li suppost tagħti wens qiegħda minflok tkompli tkissirhom. U dan għaliex il-mexxejja ta’ pajjiżna qed imexxu sistema li qed tonqos milli tipproteġġi, taġixxi u twassal ġustizzja f’ħin xieraq.

Fil-messaġġ tagħha hija indirizzat b’mod dirett lill-mexxejja li jaraw it-tbatija, is-sofferenza u t-talbiet tal-familji – però xorta waħda jibqgħu indifferenti. B’oħt il-vittma tinsisti li dan id-dewmien huwa forma ta’ krudeltà.

Riżultat ta’ dan, il-familji huma mitluba biex jieqfu jgħixu – mhux għax m’hemmx soluzzjonijiet imma għax m’hemmx rieda għal bidla, u rieda biex l-azzjonijiet jittieħdu b’urġenza.

Chantelle Chetcuti, omm ta’ żewġt itfal, kienet tilfet ħajjitha fi Triq is-Santwarju f’Ħaż-Żabbar, wara li din qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha u f’għonqa mingħand l-eks sieħeb tagħa li huwa wkoll missier it-tfal.