Bejn it-18 u t-30 ta’ April 2026, il-25 edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ Malta
se jlaqqa’ flimkien madwar 40 għaqda u kumpanija tan-nar li għal sena oħra se jerġgħu jixegħlu s-sema
fuq il-Port il-kbir u n-Nadur f’Għawdex filwaqt li jiċċelebra waħda mill-aktar tradizzjonijiet kulturali
maħbubin fil-Gżejjer Maltin u jattira numru ta’ viżitaturi lil hinn mix-xhur tas-sajf.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet uffiċjalment id-dettalji ta’ dan l-avveniment annwali nhar it-Tnejn filgħodu ġewwa Forti Sant’Anġlu, fil-Birgu, fil-Port il-Kbir.
Il-festival ta’ din is-sena se jkollu tmien għaqdiet u kumpaniji pirotekniċi jikkompetu fil-kompetizzjoni
piromużikali, tnejn iżjed mis-sitta fl-edizzjoni preċedenti. Erbgħa mill-kompetituri huma Maltin, filwaqt
li l-erbgħa l-oħra se jivvjaġġaw lejn il-Gżejjer Maltin minn barra, fosthom parteċipanti minn pajjiżi li
qatt qabel ma ħadu sehem f’dan il-festival.
Notevolment, l-edizzjoni tal-25 anniversarju se tinkludi kumpanija piroteknika Kanadiża, li għalhekk tfisser parteċipazzjoni minn barra l-Ewropa li tkompli ssaħħaħ il-kontribut siewi tal-festival fi swieq importanti għal turiżmu minn pajjiżi ‘l bogħod.
B’kollox, madwar 40 kamra tan-nar u soċjetajiet affiljati magħhom se jipparteċipaw matul dan il-festival, li flimkien se jkomplu jsostnu t-talent u l-arti lokali. Barra minn hekk, il-każini tal-baned ukoll
se jieħdu sehem biex b’hekk l-atmosfera tal-festa Maltija tkompli tieħu l-ħajja waqt il-festival permezz
tal-mużika u ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali.
Il-programm tal-festival se jiftaħ fit-18 ta’ April fin-Nadur, Għawdex, b’wirjiet piromużikali mhux
kompetittivi, logħob tan-nar tradizzjonali u spettaklu tal-għeluq mir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tas-sena l-oħra, l-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu, il-Birgu.
L-avvenimenti piromużikali kompetittivi mbagħad se jittellgħu fil-Belt Valletta fl-20 u l-25 ta’ April, b’erba’ kompetituri f’kull lejl, akkumpanjati minn wirjiet piromużikali oħra u murtali tradizzjonali. Il-festival se jiġi fi tmiemu fit-30 ta’ April bi Gran Finale fil-Port il-Kbir.
Lil hinn mill-kompetizzjoni, l-udjenzi se jkunu jistgħu jgawdu wkoll firxa wiesgħa ta’ logħob tan-nar tradizzjonali Malti, fosthom beraq, beraq pront, beraq tal-kulur, beraq bil-logħob, kif ukoll murtali tal-kulur, sfejjer u blalen, li juru d-diversità, is-sengħa u l-artiġjanat li jikkaratterizzaw il-wirt pirotekniku tal-Gżejjer Maltin.
//= $special ?>

