Lokali

Abela jibqa’ jwebbes rasu b’rabta mal-kariga ta’ Prim Imħallef

Il-Prim Ministru qed jibqa’ jsabbat saqajh u jwebbes rasu dwar il-Prim Imħallef. Dan meta huwa evidenti li mhux jaċċetta l-istedina li għamillu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sabiex iż-żewġ naħat tal-Kamra jiddiskutu l-ħatra tal-Prim Imħallef – li għaliha hemm bżonn l-appoġġ taż-żewġ terzi.

It-Tlieta filgħodu, Net News staqsa lill-Prim Ministru meta se jkun qiegħed jiltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għall-ewwel, Abela injora għal kollox id-domanda li saritlu b’rabta ma’ dan l-irwol tant kruċjali għal pajjiżna.

Imbgħad, mal-ġurnalisti, baqa’ jinsisti fuq l-isem tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Robert Abela, sostna li jekk mhux se jkun hemm qbil fuq l-isem li propona hu, il-Gvern se jkun qed iressaq in-nomina ta’ Scerri Herrera fil-Parlament. Fi kliem sempliċi, se jibqa’ għaddej bħal gaffa meta jaf li jeħtieġ l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Mistoqsi għal aktar minn darba jekk hux se jkun qiegħed jaċċetta l-istedina tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jiddiskuti, Robert Abela baqa’ jdur mal-lewża u jattakka b’mod partiġġjan.

Apparti minn hekk, il-Prim Ministru ħabbar li l-Prim Imħallef Mark Chetcuti li bħalissa jokkupa dan l-irwol mistenni jirtira mill-pożizzjoni tiegħu propju l-Erbgħa minħabba li jkun laħaq l-età. U tenna li jkun ideali li jispiċċa propju l-Erbgħa stess.

Kollox qed jindika li din il-ħatra mhix vera qed tingħata prijorità mill-Prim Ministru, minkejja l-urġenza ta’ din is-sitwazzjoni. Tant li minflok jidjaloga, Abela qed ikompli jsabbat saqajh.