Lokali

Appell ċar: Hemm bżonn strateġija fit-tul

Huwa ċar li jeħtieġ strateġija fit-tul, li tkun ċara. Ilna żmien twil naraw rapporti dwar il-konnettività u wegħdiet li baqgħu fuq l-ixkaffa.

Hekk iddikjara l-editorjal tal-ġurnal Times of Malta meta analizza l-kriżi li daħal fiha l-Gvern wara li ħalla lill-Għawdxin mingħajr link permanenti li jista’ joffri serħan il-moħħ – kif rajna fl-eqqel tal-maltempata Harry. Bil-konklużjoni tal-editur tkun waħda skjetta; il-pajjiż għadu biss b’rapporti u wegħdiet – “no reliable link”, jikteb l-editur fit-titlu tal-analiżi li għamel.

It-Times tfakkar kif il-Gvern għadu jibbaża fuq vapuri li inbnew fi żmien Gvern Nazzjonalista. Ma’ dawn, żied biss in-Nikolaos, li huwa bastiment second hand li ma joffrix standards u aċċessibbiltà adekwata.

L-editur iwissi li bħala pajjiż ma nistgħux naħlu aktar żmien: hemm bżonn vapuri bejn Għawdex u Malta li jkunu moderni, li jnaqqsu l-ħin tat-traġitt, u li joperaw anke meta l-baħar ikun xi ftit imqalleb.

Fuq kollox, l-istess analiżi tfakkarna li l-Gvern warrab l-idea li jinħoloq link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer; minkejja li din kienet wegħda ċara tal-Labour.

Biex b’hekk l-Għawdxin tħallew mingħajr soluzzjoni prattika biex jivjaġġaw b’mod komdu – mhux biss waqt il-maltemp, imma anke fi tmiem il-ġimgħa u f’weekends fejn l-attività tiżdied, bħal fi żmien il-Milied u fil-Karnival.

Fi kliem sempliċi, ebda soluzzjoni minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela. U l-Għawdxin iridu jistennew aktar sakemm forsi jaslu l-vapuri l-ġodda.