Lokali

Childcare: Skema ta’ €45 fix-xahar lill-ħaddiema li jitkellmu bil-Malti

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela, ħabbar inċentiv annwali ta’ €520 maħsub biex jinkoraġġixxu lill-Maltin biex jibdew jaħdmu fis-settur taċ-childcare. Skema li se tkun qed tiswa madwar €276.7 miljun, u li tfisser ftit anqas minn €45 fix-xahar – basta l-impjegat ikun jaf jitkellem bil-Malti.

Fil-fatt, huwa ċar li dan l-inċentiv (allowance addizzjonali) mhux se jkun qed jindirizza l-isfidi li jaffaċċjaw il-ħaddiema, is-sigħat twal li jaħdmu u r-responsabbiltà kbira li għandhom f’dan il-qasam – speċjalment meta wieħed iqis li dan l-inċentiv se jingħata biss sal-2028.

Huwa propju għalhekk li ħafna nies li għamlu kuntatt ma’ Net News, spjegaw illi dan l-inċentiv finanzjarju sempliċement mhuwiex biżżejjed biex ix-xogħol f’childcare iservi ta’ karriera fit-tul.

Huwa ċar ukoll, li l-Gvern qed jirrealizza kemm l-ilsien Malti qed ikompli jintilef bl-influss qawwi ta’ barranin f’pajjiżna.

L-iskema qed tiġi promossa wkoll bħala mezz biex tiżdied il-prateċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

U filwaqt li l-gvern wiegħed titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, waqt din il-konferenza ma ngħataw l-ebda dettalji konkreti dwar kif dan it-titjib se jiġi implimentat f’aktar minn 200 childcare madwar Malta u Għawdex – ħlief il-fond ta’ 520 ewro fis-sena.