Futbol Sport

Difensur żagħżugħ Russu, eks Birkirkara li għix f’Malta, se jitħabbar bħala akkwist ta’ klabb fil-Lega Pro

Wara li fl-aħħar sigħat, kienet konfermata l-aħbar sabiħa li kienet żvelata esklussivament minn Replay kmieni il-Ħadd filgħodu, ċioé dik li ż-żgħażugħ Keyon Ewurum se jkun qed jingħaqad mal-klabb ta’ Torino fl-Italja b’self mingħand Valletta, din il-paġna għandha aħbar oħra esklussiva u sabiħa x’tirraporta.

Replay ninsabu infurmati sew, li llum kienet ġurnata oħra deċiżiva għal plejer promettenti ieħor Malti li mistenni jingħaqad ma’ klabb importanti tal-Lega Pro fl-Italja. Il-plejer, bl-isem ta’ Nikita Shchepetkin, u li għandu 19-il sena, jipposjedi passaport Malti wara li għex u lagħab f’Malta fil-passat.

Shchepetkin kien jifforma parti min-nursery ta’ Birkirkara u minn informazzjoni li għandu Replay, id-difensur promententi se jkun qed jasal fl-Italja biex jiffirma fis-sigħat li ġejjin.

Shchepetkin li jilgħab bħala difensur ċentrali lagħab għall-aħħar staġun u nofs mal-klabb Russu ta’ Dynamo Moscow 2 u kien segwit mill-viċin minn numru ta’ klabbs fl-Ewropa fl-aħħar xhur.

Dan wassal biex il-plejer jagħżel li jkompli l-karriera tiegħu fl-Italja wara li fil-passat lagħab ukoll mal-youths ta’ Borussia Monchengladbach fil-Ġermanja.

Huwa mifhum li Shchepetkin, li barra dak Malti għandu wkoll passaport Russu, iżda sorsi qrib il-plejer ikkonfermaw magħna li Shchepetkin għażel li jilgħab għal Malta u mhux għar-Russja.

Waħda mir-raġunijiet li waslet lil Shchepetkin jieħu din id-deċiżjoni hi sforz il-fatt li l-familjari tiegħu issa ilhom jgħixu Malta għal numru ta’ snin u hu stess għex f’Malta għal numru ta’ snin fejn saħanistra ħa l-edukazzjoni akademika f’pajjiżna.

L-għażla ta’ Shchepetkin tkompli tikkonferma kemm it-tim nazzjonali Malti kiber fl-istatura tiegħu bil-plejers ikomplu jagħżlu li jilgħabu għal pajjiżna anki jekk dawn qed ikollhom l-għażla li jirrapreżentaw pajjiż ieħor.