Parti mill-irdum ta’ Għar Lapsi spiċċa tkisser wara li l-maltempata Harry ħalliet ħerba f’din iz-zona. U issa, fl-aħħar jiem, il-mewġ kompla jħalli l-effetti tiegħu. Tant li aktar blat spiċċa ċeda minħabba l-qawwa tal-elementi.
Filmati miġbudin minn Net News it-Tlieta filgħodu juru l-istat li spiċċat fih din il-bajja – fejn il-periklu huwa evidenti.
Fil-fatt, il-blat issa qed jimblokka anke l-passaġġ li kien iwassal lill-għawwiem sal-għar.
Mhuwiex ċar eżatt meta ċediet din il-parti. Iżda wara l-maltempata Harry, il-kosta tan-nofsinhar baqgħet issofri l-effetti tar-riħ qawwi u l-mewġ għoli.
Il-ħsara li saret biddlet kompletament il-viżwal u anke l-aċċess għal din iż-żona. Għaldaqstant, partijiet estensivi ta’ Għar Lapsi kellhom jingħalqu għall-pubbliku. U jibqa’ l-appell tal-awtoritajiet biex in-nies ma jinżlux lejn il-bajja – għaliex għad hemm periklu.
Intant, tnieda process biex issir konsultazzjoni pubblika li tiffoka esklussivament fuq din iż-żona, u r-riġenerazzjoni ta’ Għar Lapsi.
//= $special ?>

